“Bi Gvern Laburista, l-prezz li qiegħed iħallas l-pajjiż huwa wieħed qares ħafna”.
Iddikjara dan il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, f’intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonlista li kien żbaljat dwar bosta oqsma biex ikompli jaħbi l-problemi interni li nkixku wkoll fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzzjonalista.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal : “Il-prezz li qiegħed iħallas l-pajjiz huwa wieħed qares ħafna”.
Iżda jxejnu d-dikjarazzjoni negattiva ta’ Adrian Delia hemm ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li din il-ġimgħa reġgħet ikkonfermat li l-ekonomija ta’ Malta kompliet tikber b’mod b’saħħtu u sostenibbli.
Mal-kummenti pożittivi tal-Kummissjoni Ewropea, ingħaqdu ukoll Esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali li kkonkludew li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien fost l-aktar b’saħħtu fost il-pajjiżi Ewropej.
Quddiem din l-analiżi pozittiva li qiegħed jirċievi pajjizna u l-ħidma tal-gvern, Adrian Delia kellu jammetti li dawn ir-rapporti idejjquh.
Huwa kompla billi qal: “Ehe assolutament, rapport wara l-ieħor u jien ma nieħux pjaċir nara dawn ir-rapporti”.
Fl-intervista Adrian Delia kien skorett meta tkellem dwar ir-raba’ direttiva kontra l-ħasil tal-flus. Qal li din id-direttiva mhux qiegħda tiġi implimentat meta ilha li bdiet tiġi implimentata sa minn Diċembru tal-2017.
Kompla jirrimarka “U waħda minnhom l-money laundering directive li ma ġietx implimentata mill-gvern”.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li minflok ippropona l-viżjoni tiegħu għall-pajjiż, il-Kap Nazzjonalista għadu ma ndunax bil-messaġġ konsistenti tal-poplu li ma jridx lil min ikompli jitkellem u jaħdem kontra l-pajjiż.
Minflok ikkonvinċa lill-kumplament ta’ sħabu, li kien isejhilhom il-klikka, biex jabbandunaw din l-idea, inġarr magħhom. Għadu ma fehemx li l-istess diskors jagħtik l-istess riżultati jekk mhux agħar, innota l-Partit Laburista.
Żied li waqt li Adrian Delia akkuża lil dan il-Gvern li ma jippjanax, ir-riżultati jitkellmu waħidhom dwar il-pjani u l-viżjoni ta’ dan il-Gvern.
Sostna li jekk hawn xi ħadd li ma jippjanax hu Adrian Delia nnifsu – bla pjan għal partit tiegħu stess u bla pjan għal pajjiż.