“Jien m’għandix bżonnkom.” “Għandi aptit nibgħat xi erbgħa hawnhekk, fejn jistħoqqilhom.”
Din hija d-dikjarazzjoni tal-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Peter Agius, li ried jibgħat lill-kaċċaturi jixxejru għax qal li mhux bżonnhom.
Fuq Facebook, Peter Agius tilifha bil-kbir meta tkellem dwar id-delizzju tal-kaċċa li huwa għall-qalb ħafna nies.
Kiteb li huwa qiegħed jipprova jsewwi l-iżbalji li għamel fil-passat, l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami fejn jidħol id-delizzju tal-kaċċa u l-insib u li konsegwenzi tiegħu qegħdin ibatu l-kaċċaturi u n-nassaba.
Huwa qal li se jorganizza laqgħa sabiex jipprova jsewwi l-iżbalji li għamel Fenech Adami fejn jidħlu d-delizzji tal-kaċċa u l-insib.
Iżda, Peter Agius beda biex qal lill-kaċċaturi u n-nassaba li għandu aptit jibgħat xi erba’ minnhom fejn jistħoqqilhom!
Dan ma kienx l-unika kliem dispreġġjattiv minn Peter Agius.
B’referenza għall-kaċċaturi, Agius qal li hu m’għandux bżonnhom, għax diġà għandu xogħol Brussel.
“Jien m’għandix bżonnkom” kiteb ċar kristall Peter Agius.
Aktar minn hekk, il-kandidat Nazzjonalista spiċċa żeffen fin-nofs il-kundizzjoni tad-dipressjoni li jbatu minnha eluf ta’ persuni.
Agius kiteb lill-kaċċaturi – jekk “tiġu l-laqgħa – se nispjega kif nistgħu nagħmlu biex tonsbu fuq 10 snin – mhux sena u wara depression.”
Xahrejn biss mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, l-għemil tal-kandidat Nazzjonalista Peter Agius ġab rabja kbira fost in-nies li ma stennewx li se jaqraw kitba insensittiva bħal dik minn politiku li qiegħed jaspira li jservi liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fil-Parlament Ewropew.