Il-kumpanija internazzjonali tal-kostruzzjoni Torka ċaħdet allegazzjonijiet foloz fil-mijda u qalet li l-ħaddiema tagħha jgawdu kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u diċenti. Il-kumpanija żiedet tgħid li hija konformi mal-liġijiet u regoli f’Malta.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li għandha reputazzjoni internazzjonali tajba fis-settur tal-kostruzzjoni u timxi mal-liġijiet ta’ kull pajjiżi fejn topera.
Il-kelliem tal-kumpanija Deha Turkel qal li qegħdin isegwu l-liġijiet kollha Maltin u qed iħallsu t-taxxa bħal kull kumpanija Maltija.
Il-kumpanija kienet waħda minn bosta kumpaniji internazzjonali li tefgħet l-offerta tagħha għall-iżvilupp tal-lukanda Fortina f’Tas-Sliema u għall-proġett tal-Grupp tad-db fuq is-sit ta’ dak li kien l-ITS.
Il-kumpanija li għandha tmien uffiċċji madwar id-dinja u tispeċjalizza fil-bini ta’ strutturi kbar, qalet li ġabet f’Mata 78 ħaddiem li bejniethom għandhom salarju medju ta’ €1,450. Apparti dan għandhom polza tal-assigurazzjoni privata, titjiriet, akkomodazzjoni bla ħlas u tliet ikliet kuljum.
Is-Sur Turkel qal li l-ħaddiema tagħha ilhom magħhom għal bosta snin. Qal li l-ħaddiema se jkunu ġejjin u sejrin skont il-ħtieġa tal-proġett. Huwa ċċara li l-viża tagħhom ma tippermettilhomx li jġibu l-familja tagħhom f’Malta u m’għandhom l-ebda intenzjoni li jibqgħu f’Malta.
Il-kumpanija sostniet li l-ħaddiema tagħhom mhux se jibqgħu magħha li kieku m’għandhomx kundizzjonijiet tajbin. Qal li l-kumpanija tieħu ħsiebhom f’kull sitwazzjoni possibbli u qegħdin jitħallsu aktar milli kieku qegħdin jibqgħu f’pajjiżhom għax qegħdin ’il bogħod minn qrabathom.
Il-kumpanija żiedet tgħid li warrbet il-pjan li tibni villaġġ temporanju minkejja li l-ħaddiema tagħha jippreferu jgħixu flimkien bħala komunità hekk kif għamlu f’pajjiżi oħra. Qalet li minflok il-ħaddiema se jgħixu f’appartamenti.
Is-Sur Turkel żied jgħid li l-kumpanija qabdet kuntratturi Maltin għax-xiri ta’ tagħmir u makkinarju minn Malta. Qal li b’hekk qed tinħoloq opportunità ekonomika ġdida għall-industrija lokali.
“Qegħdin inġibu ħafna ħiliet fis-suq tax-xogħol permezz tal-esperjenza estensiva tagħha fi proġetti kbar f’pajjiżi oħrajn u onestament ma nistgħux nifhmu għaliex qiegħed isir dan l-attakk fuqhom meta m’aħna nagħmlu xejn ħażin”, qal is-Sur Turkel.