Filmat: In-nar fl-appartament fl-Imsida kkawża ħsarat li jlaħħqu l-eluf ta’ ewro – One News

Notifiki

Filmat: In-nar fl-appartament fl-Imsida kkawża ħsarat li jlaħħqu l-eluf ta’ ewro

Il-Pulizija komplew l-investigazzjonijiet b’rabta man-nar li l-Erbgħa filgħodu ħasad il-ħajja ta’ Joe Dimech, missier ta’ 70 sena li nstab mejjet f’xaft madwar siegħa wara li żviluppaw in-nirien. Sorsi qrib ONE News qalu li l-awtopjsa fuq Dimech mistennija tistabilixxi b’ċertezza l-kawża tal-mewt.

Minn informazzjoni li ġiet miġbura minn ġol-appartament l-esperti forensiċi waslu għall-konklużjoni li n-nar oriġina minn heater tal-gass. In-nirien li nferxu f’leħħa ta berqa qerdu l-appartament tal-familja Dimech filwaqt li kkawżaw diversi ħsarat oħra madwar il-blokka tal-appartamenti li tinsab biswit il-Junior College fl-Msida.

Fil-ġimgħat li għaddew ONE News tkellem mal-maniġer tal-operazzjoniet tal-Protezzjoni Ċivili Anthony Pisani fejn spjega l-importanza tal-għarfien li l-pubbliku għandu jkollu meta juża kull tip ta’ heaters, l-aktar dawk li jaħdmu bil-gass.

Huwa qal ukoll li qabel jibdew jintużaw għandu jiġi assigurat li l-heaters ikollhom il-pajpipjet intatti u li d-data ta’ skadenza tal-pajp ma tkunx inqabżet. Huwa spjega wkoll kif dawk interessati li jixtru heater għandhom jassiguraw ruħhom li l-prodott ikun konformi mal-istandards kollha Ewropej.

Is-sur Pisani tenna wkoll l-importanzi li kull heater għandu jinżamm fiċ-ċentru tal-kamra l-bogħod minn kull materjal bħall-sodod, purtieri u sufanijiet. Dan għax is-sħana li toħroġ minnu tista’ tikkawża lil dak il-materjal biex jieħu n-nar.

Fakkar ukoll kif tfal żgħar u annimali fid-dar jistgħu jmexxu jew jolqtu l-heaters u mingħajr l-ebda intenzjoni jikkawżaw ħruq ta’ twapet jew materjali oħra li jistgħu jieħdu n-nar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *