Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Frar 2019, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu flimkien mal-President’s Trust Foundation taħt il-Patroċinju Distint tal-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, nediet it-Tieni Qaritona Nazzjonali fl-Iskejjel Primarji.
Bil-fondi li se jinġabru mill-edizzjoni tal-Qaritona ta’ din is-sena, se jinxtraw għodda edukattivi biex jgħinu tfal bl-awtiżmu fis-Snin Bikrin li ma jikkomunikawx bit-taħdit.
Il-Qaritona jew Readathon hija inizjattiva biex inkomplu nħeġġu lit-tfal jaqraw. Fil-fatt, dawk kollha li ħadu sehem fil-Qaritona tas-sena l-oħra kellhom isibu sponsor biex jippremjahom tal-isforz tagħhom biex jaqraw aktar.
Bil-flus li nġabru u bl-għajnuna ta’ numru ta’ sponsors inxtraw riżorsi edukattivi li jassistu tfal li huma nieqsa mid-dawl.
Preżenti għal din it-tnedija li ġiet organizzata fil-Palazz ta’ San Anton, kien hemm l-istudenti tat-Tielet Sena mill-iskola primarja ta’ Ħ’Attard tal-Kulleġġ San Nikola.
Matul it-tnedija, l-Ambaxxaturi tal-Qari Corazòn Mizzi, Carmel Busuttil u Saviour Darmanin qraw lill-istudenti preżenti fil-Palazz ta’ San Anton.
It-tnedija ġiet ippreżentata minn Corazòn, u fiha tkellmu s-Sinjura Sarah Bondin, Direttur tal-President’s Trust Foundation; is-Sur Stephen Cachia, Direttur Ġenerali mill-Ministeru għall-Edukazzjoni; Dr Rita Micallef, Professional Lead, Speech and Language Department tal-Ministeru għas-Saħħa; is-Sur Stanley Debono, CEO tal-FITA; u Dr Alistair De Gaetano, il-Kap tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu ta’ Malta.
L-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta saħqet fuq l-importanza li t-tfal kollha jiksbu l-ħiliet neċessarji tal-litteriżmu.
Insistiet fuq il-bżonn ta’ aktar għarfien dwar il-bżonnijiet edukattivi speċifiċi ta’ kull tifel u tifla u dwar il-ħtieġa li kull tifel u tifla jkollhom l-aħjar esperjenza edukattiva.
Il-Qaritona Nazzjonali qiegħda tiġi organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu b’kollaborazzjoni mal-President’s Trust Foundation, is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel, l-iSpeech and Language Department tal-Ministeru għas-Saħħa, il-FITA, u l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu ta’ Malta.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tkun qed toħroġ ċirkolari dwar il-Qaritona għall-iskejjel primarji kollha b’aktar dettalji.
It-tfal kollha huma mħeġġa jieħdu sehem.