San Ġwanni Pawlu II huwa l-uniku Papa li qatt rifes il-gżira t’Għawdex.
Mhux ta’ b’xejn li għandu post speċjali fil-qalb tal-Għawdxin, kif fl-aħħar mill-aħħar għandu post fil-qalb ta’ ħafna u ħafna nies madwar id-dinja, speċjalment dawk li xi darba jew oħra ġew f’kuntatt miegħu.
Filfatt il-ġrajja tiegħu ispirat musical oriġinali bil-Malti li se jittella’ għall-ewwel darba f’Għawdex stess.
Fil-bidu ta’ Marzu, l-Oratorju Don Bosco t’Għawdex, se jtella’ spettaklu mużikali ġdid u oriġinali bl-isem ta’ “Wojtyla – L-Għajta t’Alla”, xogħol il-kompożitur Għawdxi Antoine Mercieca fuq lirika ta’ Joe W. Psaila.
Dan il-musical qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Oratorju Don Bosco u l-Fondazzjoni Santa Ċeċilja.
“Wojtyla– L-Għajta t’Alla” qiegħed jittella’ biex ifakkar għeluq l-40 sena minn meta Karol Wojtyla kien sar Papa, u fl-istess waqt se jkun qed jagħti bidu għal ċelebrazzjonijiet ta’ tifkira fis-70 anniversarju minn meta kien infetaħ l-Ortatorju Don Bosco fi Pjazza Santu Wistin, Victoria.
“W0jtyla – L-Għajta t’Alla” hu spettaklu live bil-Malti ta’ madwar sagħtejn b’mużika mill-isbaħ, melodiji tal-widna, u żfin; fuq kollox bi storja li tfakkar lill-udjenza bil-mumenti ewlenin mill-ħajja ta’ dan il-qaddis Papa kbir.
Fil-musical se jieħdu sehem uħud fost l-aqwa talent Għawdxi tal-mument, fosthom Jamie Camilleri li se jinterpreta l-parti tal-Papa Ġwanni Pawlu II.
Karattri oħra se jkunu interpretatai minn Maria Cassar, David Grech, Angelo Muscat, Ruth Portelli, Janelle Rapa, Antonella Rapa u Thomas Xerri, flimkien ma’ kast ta’ madwar 70 persuna, inkluż mużiċisti, kantanti u żeffiena.
Id-direzzjoni mużikali se tkun f’idejn il-kompożitur stess Antoine Mercieca, waqt li d-direzzjoni artistika hija f’idejn Salvu Cremona.
Il-Ministeru għal Għawdex qed juri s-sapport tiegħu għal dan il-musical oriġinali bil-malti billi jestendi l-iskema “Reaching for the Stars” għal dan il-musical għawdxi.
Permezz ta’ din l-iskema, zgħazagħ bejn it-13 u l-35 sena li jixtiequ jattendu, se jkunu jistgħu jiksbu sussidju fuq il-biljett tad-dħul għall-musical.
“Wojtyla– L-Għajta t’Alla” se jsir nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu fis-7.30pm b’ripetizzjoni l-għada l-Ħadd fis-2.30pm.
Il-biljetti għal dan l-ispettaklu mużikali jistgħu jinkisbu mill-Oratorju Don Bosco t’Għawdex kuljum bejn il-5.00pm u s-7.00pm, jew inkella billi wieħed iċempel fuq in-numri 21556616 jew 99487751.
Il-booking jista’ jsir ukoll permezz tal-indirizz elettroniku donbogo@gmail.com