Bil-bulettin ewlieni tal-aħbarijiet tas-7.30pm bħal-lum 25 sena l-istazzjon One daħal għall-ewwel darba fid-djar ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Vjaġġ ta’ 25 sena li ta’ kuljum bis-saħħa ta’ ħaddiema ddedikati u professjonali – tekniċi u preżentaturi, wassal għand it-telespettaturi – programmi varjati, ta’ ġrajjiet kurrenti, drama u xandiriet speċjali li sawwru l-istorja ta’ pajjiżna fl-aħħar kwart ta’ seklu.
Kien l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Alfred Sant li ħolom li jitwaqqaf dan l-istazzjon li kien beda bħala Super One. Il-Partit Laburista ma kellux il-mezzi sabiex jikkomunika l-messaġġ tiegħu mal-poplu Malti, bix-xandir tal-istat kien iddominat mill-Partit Nazzjonalista.
Alfred Sant, Eks Mexxej Laburista qal: “Kien imħabbar f’Diċembru u konna tlaqna minnufih biex nibnu dan l-istazzjon. Kien hemm ir-radio li kien diġà għaddej, u ridna nikkompetu bil-kbir. U ridna nipprovdu programmi interessanti, u bilanċjati.
L-istazzjon One beda jxandar biss bis-saħħa tad-donazzjonijiet li ta l-poplu Malti li emmen, ħabb u għożż f’qalbu lil dan l-istazzjon li issa lest ukoll li jxandar il-futur permezz ta’ investiment ġdid.
Huwa kompla billi qal li : “Kellna l-bini tal-kwartieri, nbidlu l-politika tal-parti u konna nduru għand in-nies bil-ftit minħand l-ħafna u dik il-ħaġa irnexxiet.
25 sena wara, Dr Sant iħares b’sens ta’ kburija, lejn l-istazzjon One. Stazzjon ta’ suċċess u għodda ta’ komunikazzjoni importanti għall-Partit Laburista.
Huwa kompla jirrimarka: “ Irnexxilna nwettqu ħolma li kellna. Tajna servizz lil Laburisti u lill-poplu Malti. Provdejna programmi ta’ kalibru u daħħalna wkoll numru ta’ żgħażagħ.
F’għeluq il-25 anniversarju, l-istazzjon One se jagħti rigal lit-telespettauri leali tiegħu meta fid-8.45pm se jixxandar id-dramm dokumenetarju “Mystery of Britannic” li kif spjegatilna l- Il-Kap tax-Xandir ta’ One Ruth Micallef jirrakkonta l-istorja traġika tal-HMS Britannic.
Ruth Micallef, il-Kap tax-Xandir tal-One qalet: “Nieħdu pjaċir li minn żmien għal żmien inġibu xi ħaġa hekk. Ħafna mix-xogħol sar hawn Malta u anki hemm xenarji fi żmien il-gwerra li jfakkar lil dak li jkun fi żmien il-gwerra.
Intant, id-dokumentarju li jimmarka l-25 sena ta’ dan l-istazzjon, se jerġa’ jixxandar it-Tlieta fl-10.00pm.