Il-prijoritajiet tal-Ewropa għandhom ikunu x-xogħol, il-ħolqien tal-ġid u l-ġustizzja soċjali. Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, meta f’Madrid attenda għall-Kungress tal-Partit Soċjalista Ewropew. Ma’ mexxejja oħra u l-kandidat tal-Partit Soċjalista Ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, il-Prim Ministru ddiskuta x’tip ta’ Ewropa rridu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal: “Il-messaġġ tagħna f’dan il-kungress kien ċar. Li l-prijorità tagħna bħala Gvern u l-prijorita tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Għandha tkun il-ħolqien tax-xogħol u tal-ġid. U dak il-ġid jitqassam fost dawk li l-iktar għandhom bżonn.”
Fil-kapitali Spanjola kien approvat ukoll il-manifest elettorali tal-Partit Soċjalista Ewropew bil-bażi tiegħu tkun il-ġustizzja soċjali.
Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Partit Laburista Lydia Abela u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, Marc Vella Bonnici, iddeskrivew dan bħala manifest dirett li jitkellem fuq il-prijoritajiet tan-nies.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli spjegat kif Malta qed isservi ta’ mudell għall-partiti oħra fejn jidħlu diversi oqsma, partikolarment l-ugwaljanza li tibqa’ l-bażi tat-twemmin tal-partiti soċjalisti demokratiċi.
Il-Ministru Helena Dalli qalet: “Iħarsu lejnha b’mod pożittiv ħafna għax jaraw lilna bħala mudell ta’ kif għandu jimxi ‘l quddiem partit soċjalista fil-gvern.”
Intant, waqt li kien Madrid il-Prim Ministru kellu żewg talbiet ta’ laqgħat formali mal-Prim Ministru tar-Rumanija, Viorica Dăncilă, u l-Kap tal-Opposizzjoni Brittaniku, Jeremy Corbyn.
Waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru Rumena ġew diskussi relazzjonijiet bilaterali kif ukoll il-politika Ewropea minħabba l-fatt li bħalissa r-Rumanija għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Flimkien ma’ Jeremy Corbyn kienet diskussa s-sitwazzjoni dwar Brexit, bil-Mexxej Laburista Ingliż jispjega l-politika tiegħu għaż-zmien li ġej fil-Parlament Ingliż.
Min-naħa tiegħu, Dr Muscat tenna kif Malta trid li jkun hemm ftehim, iżda li l-Unjoni Ewropea ma tistax tiċċaqlaq mill-prinċipji tagħha kif riflessi fil-ftehim propost.
F’Madrid il-Prim Ministru tenna wkoll li l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju huma wkoll sinjal ċar ta’ fejn irridu nkomplu nieħdu l-pajjiż u l-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Muscat kompla billi qal: “Huma elezzjonijiet sabiex naraw x’direzzjoni rridu mmorru aħna bħala pajjiż u l-familja Ewropea li qegħdin parti minnha. Dan hu messaġġ li rridu nwasslu lill-poplu Malti u Għawdxi anke permezz tat-tim ta’ kandidati li għandna għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Mejju li ġej.”