Il-Gvern lesta l-qafas legali biex sal-Għid li ġej, jiġu llegalizzati u rregolati s-servizzi tal-kremazzjoni f’Malta.
Ħabbru dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne, u d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar, li qiegħda taħdem fuq id-dħul tal-kremazzjoni f’Malta bħala alternattiva għad-dfin tradizzjonali fiċ-ċimiterji.
Bil-gvern irid iħalli l-għazla f’idejn il-pubbliku ta’ x’jiġri b’ġismu wara mewtu.
Minn studju li sar, irriżulta li terz tal-popolazzjoni Maltija jikkunsidraw alternattiva differenti għad-dfin. Saħansitra medja ta’ tliet persuni fix-xahar jagħżlu li jagħmlu kremazzjoni barra l-pajjiż b’nefqa ta’€5,000.
II-Gvern wera x-xewqa li l-pubbliku jipparteċipa bi sħiħ fil-proċess ta’ konsultazzjoni ladarba huma ħafna li jinteressahom x’jiġri minn ġisimhom u l-ġisem tal-qraba tagħhom wara mewthom.
Bil-Gvern qiegħed isaqsi numru ta’ mistoqsijiet fosthom, jekk krematorju għandux ikollu l-mezzi meħtieġa biex jaħżen u jippreserva d-DNA tal-persuni kremati għal dejjem.
Il-qafas legali jipproponi li l-kremazzjoni ssir fuq ix-xewqa tal-individwu qabel mewtu, u qrabatu jridu jirrispettaw din id-deċiżjoni.
Il-Gvern staqsa wkoll jekk il-pubbliku jaqbilx li jinħoloq reġistru fejn tiġi rreġistrata x-xewqa ta’ persuna li tiġi kremata wara mewtha, flok tindifen.
Id-Deputat tal-Gvern Rosianne Cutajar qalet li hemm għażliet differenti ta’ kif tiġi kkonservata l-memorja ta’ persuna wara li jiġi kremat.
Bil-kremazzjoni se tkun irħas minn difna normali, u hija miżura favur ambjent nadif.
Id-Deputat Rosianne Cutajar qalet: “Hemm diversi modi kif tikkonserva l-memorja ta’ dak li jkun. Jista jinzamm ġo urna jittieħed id-dar, jew titpoġġa ġo knisja jew tindifen … hemm min jagħżel li jitfa l-irmied fil-baħar”.
L-Awtorità tal-Ippjannar irċeviet erba’ applikazzjoniet mis-settur privat biex isir krematorju.
Bil-qafas legali qiegħed jistabbillixi lis-Supridentent għas-saħħa pubblika, bħala l-entità responsabbli għal-liċenzjar u għall-aspetti regolatorji tal-krematorji.
Id-Deputat Rosianne Cutajar kompliet billi qalet: “ Ovvjament hemm policy li tippermetti bini ta’ krematorji f’ċimiterji eżistenti jew inkella m’għadhomx jintużaw. L-interess mis-settur privat qiegħed hemm. Applikazzjonijiet daħlu 4 imma setgħux jipproċedu minħabba li m’hemmx liġi”.
Il-Ministru għas-saħħa Chris Fearne qal li l-grupp parlamentari Laburista u l-kabinett qablu mad-din il-liġi.
Żied li wara li l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, l-pjan tal-Gvern hu li sa April li ġej titressaq il-liġi fil-Parlament u tidħol fis-seħħ qabel l-Għid il-Kbir.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal: “Il-gvern iħoss li din hija ħaġa individwali. S’issa kellna biss jew dfin f’ċimiterju jew inkella dfin fil-baħar”.
Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fid-29 ta’ Marzu li ġej.