Żagħżugħ Malti ta’ 18-il sena ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li qatel ċiklist fil-Polonja waqt li kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-marijuana.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li ż-żagħżugħ li kien qiegħed isuq bla liċenzja, kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal għomru.
Iż-żagħżugħ kien qieghed isuq karaozza tal-għamla Mercedes qrib il-kapitali Varsavja, meta tajjar u qatel liċ-ċiklist ta’ 77 sena fit-tlieta ta’ Ġunju li għadda.
Fil-qorti ngħad li l-Malti tilef il-konfroll tal-Mercedes u baqa’ sejjer fil-karreġġjata opposta. Kien hawn li laqat lir-raġel u qatlu fuq il-post.
Il-Malti li ġie identifikat fil-midja Pollakka bl-isem ta’ Piero C, tressaq il-qorti f’Ġunju li għadda mixli li kiser il-liġijiet tat-traffiku u li kkważa l-mewt ta’ raġel bi traskuraġni.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li fil-ħin tal-inċident, iż-żagħżugħ kien xurban. Madankollu minn testijiet li sarulu aktar tard, irriżulta li kien taħt l-influwenza tal-marijuana.
Skont il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja huwa kien qiegħed isuq b’veloċità qawwija.
Huwa ġie kkundannat iħallas ukoll multa ta’ madwar €7,000 lill-mart il-vittma.
Id-difiża qalet li se tappella mis-sentenza u ddeskrivitiha bħala waħda ħarxa. Qalet li l-qorti ma qisitx bosta ċirkostanzi fosthom l-età tax-xufier u l-mod żbaljat li bih kienu mmarkati s-sinjali tat-traffiku. Żied jingħad li t-testijiet saru ġimgħat wara l-inċident.