Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li t-Tlieta daħħal abbozz fil-Parlament sabiex ikomplu jiħraxu l-multi fuq moħqrija tal-annimali. Huwa qal li dan il-Gvern miexi fit-triq it-tajba, daħħal numru ta’ liġijiet u inizjattivi li jħarsu l-annimali però hemm bżonn li jkompli jiġi kkomunikat il-messaġġ li l-ebda moħqrija fuq l-annimali mhi se tiġi ttollerata.
Is-Segretarju Parlamentari qal dan waqt konferenza stampa fejn għal darb’oħra ingħataw għotjiet lill-Għaqdiet mhux Governattivi li qed jgħinu fl-addozzjonijiet tal-annimali. L-NGOs jieħdu ħsieb li jiċċekjaw u jagħmlu l-verifiki tagħhom dwar l-ambjent li fih ikunu sejrin l-annimali li jiġu addottati mill-animal welfare sabiex jassiguraw li qegħdin jgħixu f’post fejn jixraqilhom u għalhekk huma mħarsa sew. Fil-fatt l-Għaqdiet mhux Governattivi jibqgħu jsegwu l-annimali anke wara li jiġu addottati.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-ammont totali li qiegħed jingħata għal dawk l-NGOs li għenu fl-addozzjonijiet tal-annimali minn Jannar sa Ottubru tal-2018 ilaħħaq l-€43,890. L-Għaqdiet mhux Governattivi li qed jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet huma Carers for Stray and Abandoned Felines, Island Sanctuary Association, National Cat Society, Association For Abandoned Animals, Noahs Ark Foundation, C.L.A.W.S. Stray Animals Support Group u Gozo SPCA. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lil dawn l-għaqdiet tax-xogħol siewi li jagħmlu favur il-ħarsien tal-annimali u sabiex jassiguraw li dawn l-annimali qegħdin jgħixu fl-aħjar ambjent possibbli.
Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jservi bħala intermedjarju fi proċess għall-Għaqdiet mhux Governattivi li jaħdmu mal-annimali sabiex jipprovdu post permanenti għal dawn l-annimali. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali rringrazzja lil dan id-Direttorat li jipprovdi l-kura neċessarja u post għall-annimali li jisfaw vittmi ta’ krudeltà, jew ikunu mweġġgħin jew abbandunati sakemm dawn jittieħdu minn NGOs differenti meta tinstabilhom dar, jiġifieri meta jiġu addottati.
Bħalissa l-NGOs qegħdin jibbenefikaw minn ħlasijiet sabiex ikunu jistgħu jiċċekjaw u jivverifikaw li l-annimali addottati huma mħarsa u trattati tajjeb. Il-ħlasijiet ivarjaw skont l-annimal addottat, minn ġriewi li għalihom jingħataw €50 sa klieb anzjani li għalihom jingħataw €130.
Il-qtates kollha | €70 |
Ġriewi sal-età ta’ 6 xhur | €50 |
Kelb żgħir sa 10kgs (bħal razezi mħalltin, Chihuahuas, Poodles, Pugs,Yorkshires, eċċ) u għandu inqas minn 7 snin | €70 |
Kelb ta’ daqs medju sa 27kgs (bħal razez imħalltin, Fox Terriers, Springer Spaniels, eċċ) u għandu inqas minn 7 snin | €90 |
Kelb kbir ’il fuq minn 27 kgs (bħal razez imħalltin, Rottweilers, Alaskan Malamutes, Sharpei, German Pointer, English Pointer, Siberian Husky, eċċ) u għandu inqas minn 7 snin | €110 |
Klieb ’il fuq minn 7 snin irrispettivament mid-daqs u mir-razza | €130 |
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħeġġeġ aktar Għaqdiet mhux Governattivi sabiex jimxu fuq il-pass ta’ dawn l-NGOs u jgħinu fil-proċess tal-addozzjoni tal-annimali. Huwa fakkar kif il-Gvern wiegħed li se jagħti importanza u jilħaq il-miri f’dan is-settur u għalhekk huwa kommess li jgħin anke b’sostenn finanzjarju, u qiegħed fil-fatt jagħmel dan kontinwament. Fil-fatt Camilleri temm jgħid li l-għotjiet li ngħataw dawn l-NGOs huwa eżempju wieħed ta’ għajnuna li qiegħda tingħata lill-Għaqdiet mhux Governattivi bħala rikonoxximent tal-isforz u l-kontribuzzjoni valida u effettiva li jagħmlu fis-settur.