70 reffiegħ għall-pellegrinaġġ annwali ta’ Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar – One News

Notifiki

70 reffiegħ għall-pellegrinaġġ annwali ta’ Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar

L-Eċċellenza Tiegħu. Monsinjur Arċisqof Charles J.Scicluna ser iniedi sensiela ta’ pellegrinaġġi penitenzjali għar-Randan ta’ din is-sena, billi ser imexxi il-pellegrinaġġ annwali ta’ Hadd in-Nies, f’Ħaż-Żabbar, nhar il-Ħadd 10 ta’ Marzu, 2019, fl-4.15pm.

Il-pellegrinaġġ ser ikun akkumpanjat bil-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja. Snin ilu, l-aspett ta’ ringrazzjament u penitenza kien qanqal lil missirijietna biex iżuru u jassistu għad-diversi pellegrinaġġi li kienu jsiru lejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar.

Din it-tradizzjoni tmur lura mijiet ta’ snin qabel l-istess Ordni ta’ San Ġwann ġie Malta fl-1530 A.D. Meta wara l-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann beda jiġi ċċelebrat il-karnival, ħafna pellegrini kienu ħaduha drawwa jżuru s-Santwarju l-Erbgħa, Ras ir-Randan bħala tpattija ta’ atti li jkunu saru fi żmien il-Karnival. Nies minn kull sezzjoni tas-soċjeta’ kienu jiġu s-Santwarju biex jagħmlu / jonoraw il-wegħdi li jkunu għamlu u jitolbu l-barka ta’ Alla.

Ftit, ftit, minn Ras ir-Randan dawn il-pellegrinaġġi bdew jiġu organizzati fl-ewwel ħadd tar-Randan. Fis-seklu 17, din il-ġurnata spiċċat aktar tixbaħ festi bħall-imnarja u San Girgor, sakemm madwar 80 sena ilu il-motiv oriġinali ta’ penitenza ġie mġedded bl-użu ta’karrijiet u karettuni li juru l-istorja u d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja.

Riċentement, il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies reġa’ ħa l-forma oriġinali fejn l-attenzjoni prinċipali tkun li l-pellegrinaġġ isir bħala sinjal ta’ penitenza u ringrazzjament lil Alla permezz ta’ Ommu Marija.

Il-pellegrinaġġ tal-10 ta’ Marzu ser ikun immexxi minn Mons. Arċisqof u ser ikun akkumpanjat bil-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja flimkien mal-kappillani, il-kleru, reliġjużi, rappreżentanti tas-soċjetajiet ċivili, għaqdiet tal-parroċċa u bosta pellegrini.

Minbarra numru kbir ta’ devoti li jakkumpanjaw il-pellegrinaġġ, karatteristika unika hija l-ammont ta’ reffiegħa li jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ. Din is-sena ser ikun hemm madwar 70 reffiegħ.

Eżatt wara li il-pellegrinaġġ jidħol lura fis-santwarju, Mons. Arċisqof imexxi konċelebrazzjoni fis-Santwarju bil-parteċipazzjoni tal-kor Notre Dame.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend