Il-Pulizija qed tinvestiga sejba makabra ta’ katavru ta’ mara ta’ 69 sena li allegatament kienet ilha mejta minn Novembru li għadda f’dar f’San Pawl il-Baħar.
one.com.mt jinsab informat li kien għall-ħabta tas-7.30 p.m. li l-Pulizija marru fi Triq San Luqa f’San Pawl il-biex jagħmlu spezzjoni fl-appartament li fih kienet qed tgħix il-mara wara li kienet ilha żmien twil ma’ tikkomunika mal-Kummissjoni Għolja Ingliża.
Xhieda fuq il-post qalu li l-Pulizija sabu ma’ wiċċhom xena mill-aktar makabra wara li daħlu minn tieqa fl-appartament.
Kien hawnhekk li sabu l-mara mejta fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni fost ħafna ħmieġ tal-annimali. Il-mara jidher li kienet marida u nstabet imgeżwra f’kutra.
Fl-istess appartament, iżda f’sular kien jgħix żewġha li nġabar minn ħanut tax-xorb fil-viċinanzi. Aktar tard huwa ttieħed l-Isptar Monte Carmeli.
L-istess sorsi qalu li se tkun l-awtopsja li se ssir it-Tlieta li mistennija tiddetermina l-kawża tal-mewt tal-mara. Madankollu s’issa l-Pulizija qed teskludi l-involviment ta’ terzi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace li ħatret bosta esperti fosthom it-Tabib Forensiku Mario Scerri biex jassistuha fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-pulizija qed jitmexxew mis-Supretendent Mario Haber u mis-Surġent Glen Carabott u l-Ispettur Clayton Camilleri mill-Għassa tal-Qawra.
Filmat/Ritratti: Neil Azzopardi Ferriggi