Fl-għodwa tal-Ħadd filgħodu diversi persuni nġabru fit-toroq Rabtin, biex ipparteċipaw fil-funeral tipiku Ruman ta’ aristokratiku.
Il-Katavru inġarr b’purċissjoni mill-Villa Rumana, ftit passi ‘l bogħod mill-Kapitali l-antika l-Imdina, għal katakombi ta’ San Pawl.
Fil-bidu tal-funeral saret ċerimonja li fiha sellmu lil mejjet. Hawnhekk il-katavru iddawwar b’ħafna fjuri u żjut bil-fwieħa miżmuma fi fliexken magħrufa bħala ungentaria. Dan ir-rit kien isir sabiex tittafa` r-riħa tinten tal-katavru.
Dan it-tip ta’ funeral kien isir għal Ruman sinjur, u l-katavru kien jinżamm espost għal ftit jiem qabel id-difna. Xhieda ta’ dan huwa l-funeral maestuż li sar ad unur tiegħu.
David Cardona, kuratur tal-Katakombi ta’ San Pawl, spjega r-rit ta’ dan il-funeral. Waqt il-funeral kollox kien idur mall-oratur li kien jirrakonta u jigglorifika l-ħajja tal-mejjet.
David Cardona, Kuratur tal-Heritage Malta qal: “Warajh kien ikun hemm il-mużiċisti u warajhom kien ikun hemm il-bikejja, li kienet xi ħaġa li kienet għadha ssir Malta sa ftit taż-żmien ilu. Jiġifieri inti tħallas lin-nies speċjalment nisa biex jibku fil-funeral. Warajhom kien ikun hemm skjavi li kienu jiġu rilaxxati mill-mejjet bħala parti mill-mewt. Kien ikun hemm ukoll ir-raġel bil-maskri tal-mewt. Dawn kienu jsiru għall-irġiel, u permezz tagħhom kienu jassoċjaw ruħhom ma’ dawk li mietu.”
Mal-wasla taċ-ċerimonja fil-Katakombi, il-katavru tniżżel taħt l-art fejn hemmhekk saret id-difna. Wara d-difna saret l-ikla bir-rit ta’ dak iż-żmien. Ikla msejħa bħala l-Agape u li kienet issir fil-post tad-difna stess.
David Cardona kompla billi qal: “Hemmhekk ovvjament il-funeral, il-mejjet kien jindifen min-nies partikoalri jgħidulom fostores, li kienu jieħdu ħsieb id-difna. Però mbagħad kienet issir ikla ċelebrattiva mill-familjari l-aktar qrib.”
Is-Sur Cardona qal li dan il-funeral, ittella` bħala parti mill-attivitajiet ta’ Heritage Malta, bil-għan li tfakkar il-Festa Rumana Parentalja.
Festa ta’ 7 ijiem li fiha r-Rumani ta’ żmien twil ilu kienu jfakkru l-mejtin tagħhom.