Il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa perikoluż. B’dan il-mod il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, iddeskriva lil Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal: “Il-Prim Ministru huwa perikoluż”.
Għal ħadd ieħor, Adrian Delia reġa kien negattiv u attakka ħidmet il-gvern … mingħajr ma ressaq proposta waħda.
Fil-gzira għawdxija, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li s-servizz tat-trasport pubbliku li se jgħaqqad lil Malta ma’ Għawdex bil-mina se jkun b’xejn.
Iżda Adrian Delia li wkoll għamel id-diskors tiegħu f’ Għawdex , qal li mhu qiegħed isir xejn.
Adrian Delia qal ukoll: “Ma sabx Ewro wieħed ta’ investiment għal Għawdex Joseph Muscat.”
Delia għamel din id-dikjarazzjoni, fl-istess ġimgħa li tħabbar, li 10 miljun Ewro se jiġu investiti f’kumpless ġewwa x-Xewkija Għawdex li se jassisti lill-imprendituri Għawdxin ikabbru n-negozju tagħhom li sa ftit snin ilu kienu qed joperaw minn garaxxijiet f’żoni residenzjali.
Tlett xhur biss il’bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalist għadu f’baħar ta’ nkwiet bejn il-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Konferma ta’ dan, kienet l-attività tal-Partit Nazzjonalista l-ħadd filgħodu. B’kunsillieri nazzjonalisti tkarbu u esprimew it-tama li l-Partit Nazzjonalista jingħaqad.
Kevin Cutajar, Kunsillier tal-PN qal: “Is-sewwa jirbaħ żgur jekk dawk li jaħdmu għas-sewwa jaħdmu flimkien”.
Miegħu ingħaqad ukoll, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, li reġa’ appella sabiex jingħaqdu wara Adrian Delia.
Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal: “Ejja ningħaqdu flimkien”.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li ż-żjara f’Għawdex tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wriet b’mod ċar id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja politiċi.
Fl-istess waqt li l-Prim Ministru kien qed jaqsam mal-Għawdxin il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex, Adrian Delia kien qed imaqdar u jkun negattiv dwar kull proġett f’Għawdex. Dan mingħajr ebda viżjoni u soluzzjoni konkreta.
Il-Partit Laburista qal li Adrian Delia jixtieq li Għawdex jibqa’ kif kien 6 snin ilu. Filwaqt li Joseph Muscat jixtieq li Għawdex ikompli javvanza, kif wara kollox qed jagħmel il-kumplament tal-pajjiż.