Is-Sibt filgħaxija, tfakkar l-40 anniversarju ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Ċerimonja li fakkret l-istorja tad-Dar il-Mediterran, li grazzi għal vizjoni tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff, 40 sena ilu rrestawra din il-binja storika, li fis-seklu 16 kienet isservi bħala sptar tal-Ordni ta’ San Ġwann.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ lil Dar il-Meditteran bħala post mimli emozzjonijiet, mibni bil-għan li jilqa’ lil kulħadd.
Fakkar li f’Dar il-Meditteran iltaqgħu l-mexxejja tal-pajjiżi li kienu parti mill-Imperu Ingliż, għal darba, darbtejn. Iltaqgħu l-mexxejja tal-Ewropa kollha mal-mexxejja tal-Afrika kollha. Dar il-Meditteran hija waħda mill-ftit binjiet barra Brussell fejn qatt iltaqa’ l-Kunsill Ewropew.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal: “Dar il-Mediterran mhux post storiku fejn isiru l-attivitajiet. Dan huwa post storiku fejn issir l-istorja”.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, tkellem dwar l-investiment ta’ 10 miljun ewro, li qed isir f’Dar il-Meditteran sabiex titgawda aktar mill-pubbliku.
Huwa ħabbar avveniment li ġej pajjiżna din is-sena u fis-sentejn li ġejjin. Fl-aħħar ta’ din is-sena għal 6 ġimgħat sħaħ, kumpanija Kanadiża tad-divertiment li hija l-ikbar produzzjoni teatrali fid-dinja, se toffri spettaklu minn Dar il-Meditteran.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal: “Huwa għalhekk li llum qiegħed f’pożizzjoni li nħabbar avveniment internazzjonali kbir fil-qasam tat-teatru, u li se jkun qiegħed jiġi ospitat propju din is-sena u fis-snin li ġejjin f’dan iċ-ċentru għall-konferenzi Cirque du Soleil.
Is-serata kompliet b’kunċert memorabbli, fejn b’filmati mill-passat, imżewqa mal-mużika u ż-żfin, kienet irrakkontata l-istorja tad-Dar il-Mediterran għall-konferenzi.
Fuq l-ikbar palk f’Malta, l-orkestra ta’ Dar il-Mediterran, taħt it-tmexxija tas-Surmast Bruno Santori, flimkien mal-aqwa talent lokali u internazzjonali, offrew spettaklu mill-isbaħ lil dawk preżenti.
L-ispettaklu infetaħ minn Mary Spiteri , li kantat Tema 79 mir-Rock opera Ġensna.
L-ispettaklu kien maqsum fuq erba’ partijiet u kull parti irrapreżentat,deċenju differenti.
Spettaklu nostalġiku, hekk kif kantanti Maltin li rebħu l-Eurovision, minn fuq il-Palk ta’ Dar il-Meditteran, offrew spettaklu lil dawk preżenti.
Bħal Chiara, li fl-1998, irrapreżentat lil Malta bid-diska “The One that I love”.
Il-kantanta Ira Losco, li fl-2002, bid-diska “7th Wonder”, rebħet għall-ewwel darba l-Eurovision.
U fl-2015, Destiny Chukunyere minn fuq il-Palk ta’ Dar il-Meditteran, rebħet il-Junior Eurovision bil-kanzunetta, “Not my soul”.
F’dawn l-aħħar 40 sena, Dar il-Meditterran kienet vetrina ta’ attivitajiet li laqgħet bosta avvenimenti kemm lokali kif ukoll internazzjonali, u min jaf x’hemm lest għall-futur.