Il-Partit Laburista se jibqa’ jiddefendi liż-żgħir fil-Parlament Ewropew, qal l-eks Prim Ministru u MEP Alfred Sant, waqt li saħaq li d-deċiżjonijiet meħuda fl-Unjoni Ewropea jaffettwawna bil-kbir f’Malta u f’Għawdex.
“Allura hu importanti li min jirrappreżentana fl-Ewropa jkun tassew qed jiġġieled għall-interess tal-familji Maltin u Għawdxin… speċjalment dawk taż-żgħar, taż-żgħażagħ u tal-anzjani,” qal Sant fiċ-Ċentru Laburista tal-Isla waqt attività soċjali organizzata minn Joeline Attard, kandidata għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-lokal.
Dr Sant qal li huwa minnu li l-kisbiet favur il-ħaddiema fl-Ewropa kienu nfirxu u saru ideal ta’ ġustizzja soċjali li qed jitwettaq. Imbagħad l-affarijiet inbidlu. Iżda fl-aħħar snin, mill-Ewropa qamu forzi li riedu jnaqqsu l-benefiċċji soċjali. Riedu jreġġgħuhom lura.
“Aħna tal-Partit Laburista, kif għamilna f’Malta u Għawdex, irridu nibqgħu nagħfsu fl-Ewropa wkoll biex il-ħeġġa favur min hu minn taħt u jeħtieġlu u jixraqlu għajnuna tingħata l-aqwa importanza. Sħabi u jien hekk għamilna fl-aħħar ħames snin fil-Parlament Ewropew.”
Alfred Sant qal li għall-5 snin li ġejjin irridu nsostnu dan l-impenn biex l-Ewropa tkun forza li ssaħħaħ l-impenn soċjali, mhux tnaqqsu.
“Għalhekk ukoll tal-Labour jeħtieġ li jirbħu l-aqwa appoġġ, ma jitilfux vot wieħed, ħalli nsostnu l-impenn favur Ewropa soċjali. Niżguraw li kulħadd joħroġ jivvota u jagħmel hekk għall-kandidati Laburisti kollha,” saħaq Alfred Sant.