Mit-30 ta’ Marzu li ġej, ir-Renju Unit se jkun ikkunsidrat bħala pajjiż terz, iġifieri pajjiż mhux membru tal-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant, id-Dwana ta’ Malta ħabbret li l-importazzjoni minn u esportazzjoni lejn ir-Renju Unit trid tkun koperta minn dikjarazzjoni tad-Dwana.
Fi stqarrija ntqal li l-operaturi ekonomiċi li jinnegozzjaw biss mar-Renju Unit jew esklussivament mar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għandhom jirreġistraw mad-Dwana sabiex jingħatalhom numru ta’ identifikazzjoni.
L-operaturi jistgħu jagħmlu dan billi jibgħatu email fuq eori.customs@gov.mt jew iċemplu fuq 25685121.
Barra minn hekk, l-istess operaturi jistgħu japplikaw għal taħriġ fuq l-użu tas-sistemi nazzjonali tal-importazzjoni u esportazzjoni, billi jimlew il-formoli meħtieġa u jibgħatuhom b’email fuq customs.training@gov.mt.
L-applikazzjonijiet għandhom jaslu għand id-Dwana sat-18 ta’ Frar.
Sussegwentament, id-Dwana se tinforma lill-applikanti bid-dati ta’ meta se jsiru l-korsijiet tat-taħriġ.
Dawk l-operaturi li se jużaw is-servizzi tal-Custom Brokers biex jiddikjaraw l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom m’għandhomx għalfejn japplikaw għal dan it-taħriġ.