Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi żvela li waqt li kien qed isir stħarriġ marittimu biex jaraw ir-rotta li minnha se jgħaddi l-pipeline tal-gass bejn Sqallija u Malta, jidher li hemm fdalijiet ta’ bastiment – li qatt ma ġew irrekordjati – u jidhru żewġ ajruplani li ħadd ma kien jaf bihom. Huwa qal li dawn il-fdalijiet huma interessanti wkoll għal Heritage Malta.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentaqri ta’ Rosianne Cutajar, il-Ministru Mizzi qal li s-survey wasal fl-aħħar u dawn l-istudji issa jiġu analizzati fid-dettall minn kull aspett, inkluż dak ambjentali.
Fin-naħa ta’ Gela jidher li hemm ukoll affarijiet storiċi u qed jittieħdu passi biex dawn ma ssirilhomx ħsara meta jiġu biex jgħaddu l-pipeline tal-gass.
Il-Ministru Mizzi qal li l-kollaborazzjoni li hemm bejn il-Gvern Malti u l-awtoritajiet Taljani, il-Presidenza u l-ministri lokali ta’ Sqallija hija mill-aqwa. Waqt id-diskussjonijiet, il-Gvern Malti spjegalhom eżatt dak li sar s’issa u wera s-serjetà li bihom mixjin l-istudji u l-impenn ċar li qed jingħata lill-aspett ambjentali.
Huwa qal li t-Taljani fehmu li dan mhux proġett ta’ Malta iżda wieħed tal-Unjoni Ewropea kollha li saħqet dwar dan il-proġett.