https://www.youtube.com/watch?v=vBVaV0chytQ&feature=youtu.be
Daħal fi stadju importanti x-xogħol fuq il-proġett tal-junction tal-Marsa bix-xogħol fuq il-bini ta’ 460 struttura tal-konkos u tal-azzar li għandhom iservu ta’ pedament għat-42 pilastru li fuqhom se jitqiegħdu s-7 pontijiet fil-proġett tal-Marsa Junction.
Il-proġett b’investiment ta’ €70,000,000, se jara l-ewwel żewġ pontijiet minn 7 f’posthom sas-sajf li ġej.
Dettalji dwar l-aħħar żviluppi ngħataw mill-Ministru għat-trasport u l-Infrastruttura Ian Borg. Qal li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-pedamenti tal-ewwel pontijiet li se jgħaqqdu Triq Aldo Moro ma’ Triq Garibaldi.
Impressjoni artistika u animata turi li l-ogħla flyover se tkun f’għoli ta’ madwar erba’ sulari.
L-itwal tnejn huma mifruxa fuq medda ta’ 400 metru biex jgħaddu dritt minn fuqhom il-vetturi minn Triq Garibaldi u Vjal Santa Luċija għal Triq Aldo Moro. L-iktar pont wiesgħa jinkludi erba’ korsiji.
Il-pontijiet se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm fid-direzzjoni ‘l fuq kif ukoll ‘l isfel bejn Triq Aldo Moro, Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija, Triq Giuseppe Garibadi u Triq il-Marsa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi qal li x-xogħol qed isir f’żona mdawra bil-barrikati u mhux qed jaffettwa t-traffiku li jgħaddi miż-żona.
Fredrick Azzopardi il-Kap Eżekuttiv qal li : “ Naħdmu bridge wara l-oħra. Għamilna traffic lights temporanji li wkoll se nkunu qegħdin inbiddlu sakemm ikollna deck bil-proġett”.
Bħalissa, il-kuntratturi qegħdin ukoll jiskavaw u jibnu aktar minn żewġ kilometri ta’ culverts biex ipoġġu cables ġodda tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli biex isaħħu n-netwerk tal-elettriku eżistenti tal-inħawi. Aktar minn 13-il kilometru addizzjonali ta’ netwerks tal-ilma, drenaġġi, ilqugħ tal-ilma tax-xita, elettriku, internet u telekomunikazzjoni se jitpoġġew ukoll taħt l-uċuħ ġodda tat-triq bħala parti minn din il-fażi tal-proġett.
Il-Ministru Ian Borg qal li miż-żona tal-Marsa, jgħaddu 100,000 vettura kuljum. Bil-proġett se jwassal sabiex jonqos drastikament l-ħin ta’ stennija. Huwa ddeskriva l-proġett bħala l-ikbar investiment fuq kwalunkwe arterja fin-netwerk tat-toroq Maltin u bħala proġett li se jibdel għal dejjem il-mod ta’ kif pajjiżna jħares lejn l-infrastruttura tat-toroq.
Il-Ministru Ian Borg qal: “Bħalissa għaddej ix-xogħol, b’ritmu tajjeb. Però mhux daqstant viżibbli. Bħalissa qegħdin jinbnew is-saqajn tal-proġett u dan kollu qiegħed isir mingħajr konġestjoni”.
Il-proġett, fost oħrajn, jinkludi ukoll passaġġi pedonali u korsiji għaċ-ċiklisti ġodda u faċilità tal-park and ride. Il-proġett mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
https://studio.youtube.com/video/vBVaV0chytQ/edit?utm_campaign=upgrade&utm_medium=redirect&utm_source=%2Fmy_videos