Fl-elezzjonijiet Ewropew ta’ Mejju il-poplu Malti u Għawdxi irid jagħti risposta ċara u kuraġġuża lil min irid jimmina u jfarrak lil pajjiżna fl-Ewropa. Mhux bl-għajjat u bl-istorbju żejjed imma bil-vot.
Dan qalu Alfred Sant quddiem udjenza numeruża fil-Qawra. Dr Sant qal li t-tilwim politiku ta’ bejnietna għandna nżommuh bejnietna, mhux noħorġuh fl-Ewropa biex infixklu lill-pajjiż. Dat-tfixkil wara kollox bilfors jispiċċa jmur kontra r-rieda tal-Maltin u l-Għawdxin kollha fil-ħerqa tagħhom biex joħolqu ħajja aħjar għaż-żgħażagħ, għall-anzjani, u għall-familji tagħhom.
Dr Sant qal li waslet elezzjoni oħra li fiha ċ-ċittadini tagħna huma mistennija jagħtu l-verdett tagħhom dwar min iridu li jirrappreżentahom fl-Ewropa. Hi l-istess għażla li kellha ssir fl-aħħar elezzjoni. Dakinhar, il-poplu ta t-tweġiba tiegħu u jeħtieġ li nerġgħu nsostnuha.
“Il-Gvern Laburista sab ix-xkiel u se jibqa’ jsib ix-xkiel minn forzi politiċi Maltin li jridu jinqdew bl-Ewropa biex ifixklu. M’għandniex inħalluhom jagħmlu hekk. Niżguraw li kulħadd joħroġ jivvota u jagħmel hekk għall-kandidati Laburisti kollha.
Ħalli l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropej ikunu mill-ġdid rebħa oħra tal-Laburisti kollha, tal-Maltin u l-Għawdxin kollha!”
Bil-fatti, il-Partit Laburista fil-gvern tejjeb u qed ikompli jtejjeb il-qagħda ekonomika u finanzjarja taż-żgħażagħ, tal-ħaddema, tas-self employed iż-żgħar, tal-pensjonanti… Hi ħaġa ċara li għad baqa’ xi jsir. Il-gvern ta’ Joseph Muscat għadu determinat li jkompli jtejjeb il-livell tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, qal l-ex Prim Ministru Laburista.