Wara 35 sena, fuq kitba ta’ Manwel Haber, ACTion Productions tipprezentalkom il-kummiedja “Ejja tabib għax għandi t-taqlib”.
L-istorja ta’ din il-kummiedja ddur mal-familja Mula. Jessie, tfajla mqarba u fuq tagħha, titlef għajnejha fuq it-tabib u tilgħabha tal-marida biex it-tabib jiġi sad-dar u jagħmlilha viżta tajba.
Fl-aktar mument delikat jitfaċċa missierha Ċensu f’sakra ma jarax art.
Ċensu, li jaħdem bħala watchman, bank il-għazz, moħħu biss biex jixrob u jisker.
Iż-żwieġ tiegħu ma’ martu Ġuża ma tantx sejjer tajjeb.
Ġuża, mara vanituża u mserdqa li aktar tqatta’ ħin tiġri barra milli d-dar, tiddeċiedi li lil Ċensu tiqaflu darba għal dejjem u tibgħat għal Avukat.
Għalkemm l-Avukat kif sejrin taraw, in-nisa ma jħobbhomx u jgħid li ma jgħoddux għalih, Ċensu xejn ma jieħu gost bil-ħbiberija li hemm bejn Ġuża u l-Avukat.
Susan, oħt Jessie tipprova żżomm il-kalma u ma titfax il-ħatab fin-nar.
Bħalissa tinsab impenjata ħafna bil-kompetizzjoni tal-ħwejjeg imma x-xitan dejjem jirnexxielu jdeffes denbu!
Susan tinduna li l-kollega tagħha Lola ħarġet bl-istess ideat tagħha għal kompetizzjoni.
Imma hi ma’ Patri Pawl biss tkellmet! Issa li Ċensu, fuq ftehim mal-Avukat u martu Ġuża, qed ikollu jgħaddi ċ-ċekk tal-paga kollu lil Avukat spiċċa bla flus fil-but u għalhekk ikollu jħaddem rasu biex jara minn fejn se jakkwista l-flus.
Ġuża ma tiflaħx aktar għal martirju li Ċensu qed jgħaddiha minnu u tfassal pjan!
B’ringrazzjament speċjali lil Eileen Montesin u Mark Haber għal permess biex din il-kummiedja terġa’ tittella fuq il-palk u fuq direzzjoni ta’ Sonic-j Aquilina, nistednukom tingħaqdu magħna Is-Sibt 16 ta’ Marzu fis-7.00pm jew il-Ħadd 17 ta’ Marzu fis-2.00pm fil-Kulleġġ Primarju San Benedittu, Birżebbuġa.
Biex tirriservaw il-biljetti tagħkom ċemplu fuq 79337273 jew inkella ħallu messaġġ fil-paġna tagħna fuq fb ACTion Productions.
Jieħdu sehem: Michael Stivala, Sonic-j Aquilina, Franky Borg, Marisa Calleja Zahra, Joelyne Scerri, Malcolm Buttigieg, John Paul Vella, Susanne Calleja, Andrew Micallef, Stephen Cutajar, Dawn Buttigieg, Dejan Farrugia, Jake D’Amato u Matteo Abela.