L-akbar kumpanija fis-settur tal-gaming f’Malta, il-BMIT ħabbret investiment ta’ 10,000,000 ewro f’ċentru tat-teknoloġija informatika ġdid fiż-Żejtun.
Din il-kumpanija toffri servizz permezz tat-teknoloġija tal-informatika lil mijiet ta’ kumpaniji, kemm tal-gaming, kif ukoll fis-settur finanzjarju.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BMIT, Christian Sammut, qal li dan l-investiment huwa pass ieħor fl-istorja tal-kumpanija biex tkompli tipprovdi aktar servizzi lill-klijenti tagħhom u anke dawk prosepettivi, b’faċilitajiet li huma mgħammra b’fost l-aqwa apparat li jaqdi l-ħtiġijiet tal-klijenti.
Qal li l-għan tal-kumpanija huwa li tkompli tibni fuq is-suċċessi li diġà qed tagħmel. Dan l-investiment se jkompli jżid is-servizzi relatati mat-tekonolġija tal-informattika filwaqt li jkompli jtejjeb dak li diġà qed toffri l-kumpanija.
Dan l-investiment se jsir wara li fis-snin li għaddew, il-kumpanija għamlet bosta investimenti oħra fosthom data centre ieħor f’Tal-Ħandaq.
Iċ-Ċentru l-ġdid fiż-Żejtun se jkun mgħammar bi mħażen li fihom se jitqiegħdu mijiet ta’ servers. Dan bil-għan li tiżdied l-istabbiltà, l-effiċjenza u affidabilità għall-klijenti tal-kumpaija.
Il-kumpanija li tħaddem għexieren ta’ ħaddiema hija fdata minn bosta kumpaniji bbażati f’Malta biex tmexxilhom is-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika tagħhom. L-għan tal-kumapnija huwa tassigura servizz kontinwu kkumplimentat bl-ogħla livell ta’ operazzjoni, management u sigurtà.