ARA: Malta u t-Tuneżija b’ħidma dwar il-migrazzjoni – One News

Notifiki

ARA: Malta u t-Tuneżija b’ħidma dwar il-migrazzjoni

Malta u t-Tuneżija se jkunu qed ikomplu jaħdmu flimkien b’rabta mal-kwistjoni tal-migrazzjoni fil-Mediterran, li mhix biss kwistjoni għaż-żewġ pajjiżi u l-Unjoni Ewropea iżda hi kwistjoni li taffettwa lil kull min hu nvolut.

Kien dan il-messaġġ li twassal f’konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u l-Ministru Tuneżin għall-Affarijiet Barranin Khemais Jhinaoui li bħalissa jinsab Malta waqt żjara statali ta’ jumejn flimkien mal-President tat-Tuneżija Beji Caid Essebsi.

Il-Ministru Abela spjega kif iż-żewġ pajjiżi għandhom iħarsu lejn il-kwistjoni fil-Libja mhux biss għax huma qrib iżda bħala pajjiż li huwa ġar bl-iskop ewlieni jkun is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż.

Spjega kif iż-żewġ pajjiżi huma interessati li jkomplu jsaħħu aktar ir-relazzjonijiet mhux biss minħabba raġunijiet ġeografiċi iżda anke biex tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni. Hu qal kif din iż-żjara ta’ jumejn wasslet għal numru ta’ ftehim importanti li se jkomplu jgħinu r-relazzjonijiet ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi.

Semma kif fost oħrajn ġew iffirmati ftehim b’rabta mal-impjieg temporanju, ftehim ieħor għal koperazzjoni fl-oqsma tal-kultura għat-tliet snin li ġejjin, ftehim dwar il-koperazzjoni fis-settur tal-anzjanità u ftehim dwar l-iżvilupp tat-tfal fi stadju bikri.

Intant il-Minsitru Jhinaoui qal kif din kienet opportunità importanti għaż-żewġ pajjiżi li jiltaqgħu għat-tieni darba fuq livell bilaterali li se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet.

Semma kif din iż-żjara tat lok biex jiġu diskussi kwistjonijiet reġjonali, fosthom dawk fil-baħar Mediterran. Qal kif iż-żewġ pajjiżi jridu jaraw l-irwol importanti li għandhom sabiex jaraw x’jistgħu jwasslu lill-poplu.

Il-Ministru Tuneżin qal kif irridu noffru l-appoġġ tagħna lill-poplu Libjan sabiex jgħelbu dan iż-żmien ta’ diffikultà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend