Jingidmu kawża ta’ rapporti foloz fuq facebook – One News

Notifiki

Jingidmu kawża ta’ rapporti foloz fuq facebook

Bejn ħmistax u għoxrin persuna tilfu bejniethom eluf ta’ ewro wara li fl-aħħar ġimgħat belgħu l-lixka u investew flushom fi skema qarrieqa li kienet qiegħda tuża wċuħ ta’ personalitajiet Maltin fuq Facebook.

L-Ispettur Timonty Zammit, il-kap tas-Cyber Crime Unit qal li l-persuni li investew flushom f’dawn l-iskemi foloz ngidmu bejn mitejn u ħamsin ewro u sebgħa mija u ħamsin ewro.

“S’issa l-Pulizija rċeviet bejn 15 u 20 rapport ta’ persuni li jagħmlu dan l-investiment. It-telf f’kull każ ivarja bejn €250 u €750 li meta wieħed iħares fihom irid iżomm f’moħħu li t-telf huwa ta’ diversi eluf”

Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta li ltaqgħu ma’ artikli b’ritratti ta’ persuni magħrufa fosthom politiċi u artisti, li ħajruhom jinvestu flusuhom f’dawn l-iskemi.

“Reklam li kien juri ‘heading’ jew ‘headline’ f’artiklu li kien qed jgħid li din il-persuna għamlet ħafna flus, wara li investiet fi ‘crypto-curriencies”

L-Ispettur Zammit jgħid li dawn is-siti jixbhu ħafna lil dawk tal-aħbarijiet, bil-għan li l-kriminali jħawdu l-imħuħ.

“Mingħalih li qed jagħmel investiment ta’ €250 biex irendilu diversi interessi u qliegħ iżjed mis-soltu. Madankollu dan l-investiment irriżulta li huwa qarrieqi”

L-Ispettur Zammit qal li mill-istħarriġ li sar jidher li l-imħuħ wara dawn l-iskemi ta’ frodi ġejjin minn barra l-Ewropa, l-aktar minn pajjiżi Asjatiċi.

Sostna li dawn ir-reati qed iseħħu madwar id-dinja kollha, u mhux biss f’pajjiżna. Filfatt il-EUROPOL qed tieħu dawn il-każijiet b’serjetà kbira.

“Mill-indikazzjonijiet li għandna hemm artikli mhux biss fil-Malti imma f’lingwi oħra sabiex inkunu nistgħu ngħaqdu r-riżorsi tagħna u nagħmlu investiazzjonijiet ‘joint’. Dan sabiex inġibu n-nies quddiem il-ġustizzja”

Dwar dawn il-każijiet l-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji wissiet ukoll lill-pubbliku biex jagħmilx investimenti ma’ dawn is-siti.

Il-Kap tat-taqsima tac-Cyber Crime appella biex qabel ma nagħtu d-dettalji jew nagħmlu pagament fuq l-internet, niċċekjaw għal darba tnejn ma’ min qed ninvestu flusna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend