Telgħu għal aktar minn tletin il-kumpaniji li għandhom ajruplani rreġistrati bil-marka 9H ta’ Malta fir-reġistru tal-avjazzjoni.
L-aħħar kumpanija li ssieħbet f’dan ir-reġistru hija l-Freebird Airlines, linja tal-ajru Torka li se tibda topera titjiriet kummerċjali fl-Unjoni Ewropea bl-ewwel ajruplan Malti tagħha, Airbus A-320.
Fi stqarrija, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li r-reġistru Malti qiegħed isostni l-pass li qabad u qed jara żieda kontinwa f’ajruplani rreġistrati f’Malta li issa qabżu t-tliet mija.
Dr Borg qal li din hi prova ċara li s-suċċess ta’ pajjiżna jkompli jiġbed l-investiment minn oqsma differenti.
Il-Ministru Borg żied jgħid li Freebird Europe huma fost lista twila ta’ operaturi li għażlu lil Malta bħala l-ġurisdizzjoni preferuta tagħhom.
Il-linja tal-ajru ġiet approvata wkoll biex tipprovdi taħriġ fl-avjazzjoni li jiffoka fuq taħriġ għall-kwalifika għall-Airbus A320, għall-Boeing 737, taħriġ għall-għalliema tas-simulatur tat-titjir u taħriġ għall-għalliema tal-klassifikazzjoni tat-tip.