Fl-aħħar sitt snin, 189 persuna għadhom ma nstabux meta kienu rapurtati nieqsa.
Mill-2013 ‘il quddiem, 4,219-il persuna kienu rrapurtati nieqsa, waqt li kważi mitejn minnhom għadhom ma nstabux.
NIES RAPPURTATI NIEQSA BEJN L-2013 U L-2018
RAPURTATI NIEQSA: 4,219-IL PERSUNA INSTABU: 4,163 PERSUNA GĦADHOM NIEQSA: 189 PERSUNA |
Ħafna drabi dawn il-każi jinvolvu immigranti u persuni barranin li jmorru għand xi familjari u jbidlu isimhom, kif qal ma’ ONE News il-Kriminologu Saviour Formosa.
Huwa qal: “Jista’ jkun xi ħadd li sparrixa meta filfatt ikunu barranin marru joqgħodu mal-ġenituri barra minn Malta jew immigranti li baqgħu mexjin. Allura inti xorta se tirregistrah għax mhuwiex faċli li jkollok 40/50 persuna li tkunx taf fejn qegħdin ġo pajjiz daqshekk mikro zgħir tagħna.”
Barra min hekk ikollok każijiet aktar inkwetanti meta jkollok minuri li jkunu mitlufa.
“Fir-realta l-iktar każijiet ikunu ta’ karba, tfal żgħar jew żgħażagħ li jiddeċiedu li jitilqu minn sitwazzjoni li huma ma’ jridux jgħixu fiha. Meta nkunu qed nikbru nkunu qed ngħaddu, minn emozzjonijiet li jgħidu li jridu xi ħaġa oħra”, stqarr is-Sur Formosa.
Persuna titlaq u tisparixxi minħabba sitwazzjonijiet li ma’ tkunx tista’ tkompli tgħaddi minnhom, b’hekk taħrab mis-sitwazzjoni sabiex issib il-kenn u l-wens f’ambjent differenti minn dak li kienet tgħix qabel.
F’dawn l-aħħar sitt snin l-aktar li saru rapporti kien fuq persuni taħt it-18-il sena, hekk kif kien hemm 2367 persuni, 1360 rapport ta’ persuni mitlufa li għandhom bejn tmientax u disgħa u ħamsin sena, 250 rapport ta’ anzjani mitlufa u 11 oħra li l-età tagħhom mhux magħrufa.
PERSUNI RAPURTATI NIEQSA BEJN L-2013 U L-2018
MINURI: 2367 PERSUNA ADULTI: 1360 PERSUNA ANZJANI: 250 PERSUNA ETÀ MHUX MAGĦRUFA: 11-IL PERSUNA |
Il-pulizija titratta kull każ b’serjetà hekk kif kull każ huwa uniku u tibqa’ tinvestiga sakemm il-persuna tinstab.
“Ovjament is-serjeta’ tas-sitwazzjoni tant hija gravi li jfisser li dak il-ħin stess inti trid tibda tfittex il-passi ta’ dik il-persuna b’lura, u trid tara r-relazzjonijiet ta’ madwara jew anke ċ-ċirku iktar wisgħa biex tipprova tifhem fejn din il-persuna setgħet tkun. Allura hija biċċa uġiegħ ta’ ras kbira għal pulizija li jinvestigaw dawn dawn il-każijiet għax dan mhux xi ħadd li miet. Dan xi ħadd ħaj u jrid jinstab ħaj kemm jista’ jkun malajr”, qal is-Sur Formosa.
Qal ukoll li biex il-pulizija tinforma lil pubbliku, jgħaddi ċertu żmien sabiex ma jallarmawx lill-pubbliku u biex id-dinjita’ tal-persuna ma tkunx irrispettata.
Intant, it-Tlieta filgħodu nstabet Mia O’Connell, it-tifla ta’ tnax-il sena li t-Tnejn ġiet irrapurtata nieqsa wara l-aħħar li ntebħet kien viċin l-iskola li tattendi f’Pembroke.
Dan il-każ kien it-tieni wieħed għal din it-tifla hekk kif lura fis-sitta ta’ Diċembru ġiet rapurtata nieqsa u wara ġurnata nstabet viċin dak li kien il-heliport fil-gżira Għawdxija.
Dawr jekk persuna tingħatax l-għajnuna li jkollha każ, il-Professur Formosa qal li hemm nies speċjalizzati li jistgħu jgħinu lil kull min għandu bżonn.
“Dak li jkun ikun tajjeb li jmur ifittex l-għajnuna u llum hawn speċjalisti bizzejjed li ser jgħinuhom. L-importanti huwa li kultant ikunu jridu jfittxu dik l-għajnuna. Għalxejn toffri, is-servizz iridu jkunu lesti, jkollhom il-grinta li jfittxu l-għajnuna”, temm jgħid is-Sur Formosa.