Taħriġ intensiv għall-professjonisti li jaħdmu mal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin – One News

Notifiki

Taħriġ intensiv għall-professjonisti li jaħdmu mal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin

Huwa stmat li fid-Dinja hawn ‘il fuq minn 40 miljun vittma ta’ skjavitu modern u traffikar tal-bnedmin. Malta mhijiex iżolata minn dan ir-reat u għalhekk il-Gvern huwa impennjat li jelimina kemm jista’ dawn iċ-ċrieki ta kriminaltià organizzata.

Dan qed isir b’inizjattivi bħal dik li ntemmet illum wara ġimgħa ta’ taħriġ intensiv għal dawk li jaħdmu mal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

Programm ta’ taħriġ organizzat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u mmexxi minn Dr Ruth Van Dyke miċ-Ċentru għall-Istudji dwar l-Iskjavitu Modern fl-Università ta’ St Mary’s ta’ Londra.

It-taħriġ – li laqqa’ flimkien rappreżentanti minn varji entitajiet fosthom il-Pulizija, Identity Malta, l-awtoritajiet tas-saħħa u dawk fil-qasam soċjali – tratta spettru wiesgħa t’aspetti marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, inkluż l-aspett leġiżlattiv u dak ekonomiku, xogħol sfurzat, u sfruttament sesswali.

Il-parteċipanti kienu esposti għall-forom varji ta’ traffikar li jeżistu, kif jidentifikaw vittma ta’ traffikar, u x’miżuri għandhom jittieħdu biex tingħata protezzjoni lill-vittmi.

Il-professjonisti u l-uffiċjali Maltin ingħataw ukoll informazzjoni dwar kampanji t’għarfien li qed isiru fir-Renju Unit u għodda ta’ kif jistgħu jiġu evalwati u investigati diversi forom ta’ traffikar.

Fuq kollox, minn dan it-taħriġ il-parteċipanti saħħew l-għarfien tagħhom dwar l-aqwa mezzi ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, protezzjoni kif ukoll prosekuzzjoni f’Malta. Dan kollu fi sfond ta’ ħidma koerenti u koordinazzjoni bejn id-dipartimenti, il-professjonisti u l-NGOs li joperaw f’dan il-qasam sensittiv.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet kif bir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni t’Istanbul, il-Gvern Malti saħħaħ il-liġijiet tiegħu kontra kull forma ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, li tagħti ukoll protezzjoni lill-vittmi ta’ traffikar.

Hija semmiet ukoll kemm kien importanti dan it-taħriġ għall-ħaddiema, fost oħrajn, tad-dipartiment tax-xogħol u l-pulizja, li jiltaqgħu ma dawn il-każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin.

Dr Dalli tkellmet fuq il-bżonn li jkun hemm ko-ordinazzjoni bejn id-diversi dipartimenti li jaħdmu fuq din il-problema, u qalet li dan it-taħriġ serva ukoll biex aktar saru jafu lil xulxin.

Dalli saħqet li dan il-programm ma kienx wieħed iżolat, u tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’taħriġ speċjalizzat għal dawk kollha li jaħdmu mal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin biex kull min jgħix f’pajjiżna jkun jista’ jagħmel dan mingħajr ebda biżà.

Min-naħa tagħha, l-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru Simone Azzopardi fissret kif l-iskop wara din l-inizjattiva tal-Kummissjoni kien proprju li tgħaqqad l-entitajiet kollha li jaħdmu kontra t-traffikar tal-bnedmin biex tissaħħaħ is-sinerġija bejniethom u jkunu aktar effettivi f’din il-ġlieda soċjali.

F’dan il-kuntest, hija appellat lill-mezzi tax-xandir biex iqajjmu aktar kuxjenza dwar l-isfruttament ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, għaliex il-ġlieda kontra dan ir-reat kriminali hija waħda kollettiva li tirrikjedi l-isforzi ta’ kulħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend