Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ċaħad l-allegazzjonijiet li saru mill-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista u sostna li l-gidba li saret min-NET TV kienet attentat ta’ min jistmerru.
Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali kkundanna dan l-attakk li sejjaħ bħala attentat biex joħloq qasma politika u kunflitti fost il-ħaddiema tal-bank.
Il-Bank Ċentrali ċaħad dak ffabbrikat fil-programm Sorsi Infurmati meta ġie allegat li fil-festin tal-Milied tal-istess bank, diversi ħaddiema infexxew jgħajtu Viva l-Labour.
Il-Bank qal li dan il-filmat kien iffabbrikat, bix-xeni li dehru ttieħdu minn filmat fuq You Tube f’diskoteka f’Barċellona. Dan fl-isfond tal-għajjat li nstema fis-sala tal-għadd tal-voti wara t-tħabbira tar-riżultat tal-elezzjoni tal-elfejn u sbatax.
Ġimgħa wara fl-istess programm ġie ppubblikat ritratt ta’ żewġ ħaddiema tal-bank jgħollu fuq l-ispalla ħaddiem ieħor tal-bank, li skond il-programm huwa l-prova tal-ħaddiema jkantaw kant politiku.
Il-Bank Ċentrali qal li l-ħaddiema li jidhru fir-ritratt, ħadu affidavit li fl-ebda ħin waqt il-festin tal-Milied tal-Bank, ma kantaw jew żifnu ma’ xi kant politiku.
Ċaħad ukoll allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni politika, magħmula kemm fuq programm televiżiv kif ukoll fuq il-gazzetta il-Mument.
Il-Bank Ċentrali serraħ ras il-pubbliku, li dejjem jittieħdu azzjonijiet meta jkun hemm evidenza ċara ta’ ksur ta’ kodiċi ta’ imġiba minn xi impjegat.