Statistika pożittiva dwar il-qgħad – 75% inqas mir-rata fl-2013 – One News

Notifiki

Statistika pożittiva dwar il-qgħad – 75% inqas mir-rata fl-2013

Ħidmet il-Gvern qed tħalli l-frott mixtieq fil-qasam tax-xogħol hekk kif rapport maħruġ mill-NSO jindika li sar tnaqqis drastiku ta’ aktar minn tliet kwarti miċ-ċifra ta’ qagħad fil-bidu tal-elfejn u tlettax. Il-gvern Laburista kien sab ċifri ta’ aktar minn ħamest elef persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad, iżda sitt snin wara, dik iċ-ċifra niżlet għal elf u seba’ mija.

F’kummenti li ta lil ONE NEWS, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo semma kif il-gvern jaħdem biex iġib l-investiment biex ikompli jikber is-suq tax-xogħol.

“Xogħol kbir biex jinġieb l-investiment għax inti biex tnaqqas il-qgħad trid toħloq ix-xogħol u aħna bħalissa qed noħolqu madwar tlettax-il elf impjieg ġdid fis-sena. Mhux biżejjed toħloq ix-xogħol, wara li toħloq ix-xogħol trid tgħin lil min irid jaħdem, jaħdem”, qal il-Ministru

Mill-istatistika kien innutat tnaqqis kategoriku fil-persuni li jkunu ilhom aktar minn sena jirreġistraw. Dan kien frott miżuri biex dawk l-aktar esklużi mix-xogħol jingħataw opportunitajiet ġodda filwaqt li jtejbu l-livell ta’ għixien tagħhom.

“Ngħinu wkoll u l-aħħar statistika hija sabiħa wkoll fil-fehma tiegħi minħabba li kellna nies li kienu ilhom aktar minn sena jfittxu x-xogħol u dawn issa naqqsu, u naqqsu wkoll. Importanti ħafna li ma ddumx ħafna tidħol fid-dinja tax-xogħol għaliex magħha jiġu problemi ta’ saħħa mentali u problemi anke ta’ saħħa. Apparti milli nafu li l-aħjar mod kif tiġġiled il-faqar huwa x-xogħol, li jkollok ix-xogħol.”, sostna il-Ministru Bartolo

Dan il-Gvern ħadem ukoll sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Il-miżura taċ-Childcare b’xejn wasslet biex apparti li jitnaqqas piż finanzjarju fuq il-ġenituri, tiżdied ukoll il-parteċipazzjoni femminili.

Il-Ministru Bartolo semma wkoll kif persuni b’diżabilità qed jingħataw opportunitajiet għal xogħol li jagħtihom dinjità. (tabella diżabilità)

Huwa qal “L-inizjattivi li ttieħdu biex aktar persuni b’diżabbilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol għax dik tatihom id-dinjità meħtieġa. L-istess aħna ma qadniex nagħmlu appelli bi kliem sabiħ. Isma agħtu ċans lil dawn il-persuni biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”

Il-gvern qed jorbot it-tkabbir ekonomiku mal-ġustizzja soċjali għaliex il-figuri jirrapreżentaw iċ-ċittadini u b’hekk il-ħolqien tax-xogħol għandu jservi biex itejjem il-kwalità ta’ għaxjien tal-Maltin u l-Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend