Notifiki

It-tħejjija għax-xogħolijiet tal-futur trid tibda mil-lum – Miriam Dalli

Waqt laqgħa politika fil-Ħamrun, l-MEP Miriam Dalli spejgat li t-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja tibqa prijorita ewlenija tagħha.

“Hekk kif it-tkabbir ekonomiku f’Malta jibqa’ wieħed mill-aktar b’saħħtu fl-Ewropa issa rridu nagħmlu l-pass li jmiss u naċċertaw ruħna li nippreparaw lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għax-xogħolijiet li se jkollna fi żmien 10, 15-il sena oħra.” Meta kienet qed titkellem f’attivita organizzata fil-Ħamrun, l-MEP Miriam Dalli rreferiet għar-rapport maħruġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali dwar it-tkabbir ekonomiku f’Malta.

“Waqt li t-tbassir għall-ekonomija globali huwa li din se tnaqqas ir-ritmu ta’ tkabbir, mhux l-istess qed jingħad għall-ekonomija Maltija li hija bbażata fuq pjan għat-tul,” sostniet Miriam Dalli. Dalli qalet li l-Gvern telaq mal-ewwel bil-pjan tiegħu biex itaffi l-piż tal-familji u tan-negozji, ħoloq klima li tattira aktar investiment u ambjent ideali biex aktar nies joħorgu jaħdmu.

“Imiss issa li nipprepraw ruħna għall-ekonomija t’għada. Dan nistgħu nagħmluh billi ntejjbu r-riżorsi umani, ninvestu aktar f’edukazzjoni li toffri l-ħiliet għall-futur u nħarrġu lill-istudenti għall-impjiegi t’għada,” qalet Dalli.

Hija rreferiet ghar-rapport tal-IMF li jenfasizza fuq it-tkomplija ta’ taħriġ edukattiv u vokazzjonali biex tonqos dik li hija magħrufa bħala ‘skills gap’. Fl-istess ħin irid ikun hemm aktar investiment fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u anke’ miżuri innovattivi li jistgħu jgħinu lill-SMEs.

Miriam Dalli sostniet dwar kif in-natura tal-impjiegi qegħda tinbidel u hija r-responsabiltà tal-politiċi li jantiċipaw il-bidliet qabel ma jseħħu. Żiedet tgħid kif f’dinja globalizzata, instabbilta jew tibdil f’pajjiż jħallu effett fuq il-pajjiżi l-oħra.

“Dan il-Gvern qed ikun pijunier f’ċertu oqsma u din hija l-mentalita li rridu nkomplu nħaddnu biex pajjiżna mhux talli ma jinqatax lura iżda jkompli jkun minn ta’ quddiem.”

Mistoqsija dwar il-prijoritajiet tagħha Miriam Dalli sostniet li la darba għandna ekonomija b’saħħitha issa rridu naċċertaw aktar minn qatt qabel kwalita’ tal-ħajja dejjem aħjar għal kullħadd.

“Dan huwa l-livell li issa rridu nimmiraw għalih biex inkomplu nbiddlu u niġġeddu bħala pajjiż ħalli anke’ permezz tar-rappreżentanti fil-Parlmanet Ewropew naħdmu dejjem għall-ġid tal-pajjiż u mhux għal xi interessi partiġġjani,” sostniet Dalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend