ARA: Differenza minima fil-qtil tal-annimali għall-Halal u għas-suq normali fil-biċċerija – One News

Notifiki

ARA: Differenza minima fil-qtil tal-annimali għall-Halal u għas-suq normali fil-biċċerija

Il-biċċerija ftit tagħmel differenza fil-proċess tal-annimali li jiġu pproċessati b’mod normali jew inkella bil-Halal. Dan spjegah il-Kap Eżekuttiv tal-biċċerija Manuel Schembri fejn qalilna li filwaqt li kull annimal li jgħaddi mill-biċċerija irid ikun mitluf minn sensih qabel jiġi maqtul. Huwa qal li “għalina noqtlu normali u noqtlu Halal ftit hemm differenza. Kull annimal li jidħol hawnekk hija regola ġenerali biex inħarsu l-annimal ħalli ma jbatix u inħarsu wkoll ir-regolamenti lokali u Ewropej”

Schembri spjega kif l-ewwel proċess tal-operaturi tal-biċċerija huma li jitilfu lill-annimal minn sensih u fi żmien tletin sekonda dak l-istess annimal irid jiġi skarnat. 

Il-laħam li jiġi proċessat b’mod normali u mhux għas-suq Musulman jinqatel billi tinqatalu l-vina ewlenija minn għonqu. Il-proċess għall-Halal huwa simili ferm iżda minflok qatgħa vertikali ssir waħda ħoriżontali “jekk ikun halal ħa jkun hemm il-biċċier Musulman li ikun magħruf mal-Imam sabiex inkunu ċerti u jiskarnaħ differenti ħoriżontali jiġifieri”

Schembri kompla jispjega li ġaladarba l-annimal ikun inqatel bi kwalinkwe proċess, l-veterinarji tal-biċċerija jieħdu kampjun minn fuq il-karkassa u tintbagħat il-laboratorju sabiex jiġi ttestjat. Hekk kif ikun ċertifikat b’mod pożittiv mill-veterinarju il-laħam jiġi ttimbrat bit-timbru tal-biċċerija. Il-laħam Halal jgħaddi mill-istess proċess iżda apparti t-timbru tal-biċċerija jkun ittimbrat ukoll bil-marka tal-Halal.

Kull ġimgħa jgħaddi aktar minn aktar minn elf u mitt annimal minn ġol biċċerija b’aktar minn 900 minnhom ikunu majjali, tmenin ċanga  mija u ħamsin mogħża u nagħġa. Minħabba t-twemmin tagħhom il-Musulmani ma jikkunsmawx majjal allura dan l-annimal jinqatel biss bil-mod normali.

Madankollu madwar mija u ħamsin annimal ieħor li mhux majjal jinqatel għall-Halal.

Schembri stqarr li l-annimali kollha li jgħaddu mill-biċċerija jinqatlu bl-aktar mod dinjituż u skond il-proċeduri internazzjonali. Madankollu ma setax jgħid l-istess  għall-annimali li jinqatlu fl-irziezet u d-djar. Hawnekk huwa stqarr li jinqatlu b’liema mod jinqatlu l-annimali jgħaddu minn tbatija kbira.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend