Servizz ġdid ta’ Counselling fl-isptar Monte Carmeli – One News

Notifiki

Servizz ġdid ta’ Counselling fl-isptar Monte Carmeli

Qraba ta’ pazjenti rikoverati fis-swali tal-mard mentali akut fl-Isptar Monte Carmeli qegħdin jingħataw servizz ta’ counselling li jgħinhom jiffaċċjaw is-sitwazzjonijiet maħluqin mill-fatt li qarib tagħhom ikun jeħtieġ kura għall-problemi ta’ saħħa mentali.

Sitwazzjonijiet li fil-parti l-kbira tagħhom huma riżultat tal-istigma li sfortunatament għad hawn fost il-poplu fir-rigward tal-mard mentali. Dan huwa servizz ġdid li ngħata bidu għalih is-sena li għaddiet permezz ta’ proġett pilota bir-riżultati miksubin minnu tant kienu inkoraġġanti li issa dan is-servizz qed ikun estiż. Il-proġett pilota kien inħadem fuq waħda mill-erba’ swali talmard mentali akut wara li kien ilu jiġi nnotat li filwaqt li l-pazjent jingħata l-kura u l-attenzjoni kollha possibbli, qrabatu, partikolarment dawk l-aktar qrib tiegħu, kienu tista’ tgħid jitħallew jaqdfu għal rashom.

Tul dawn is-sessjonijiet ta’ counselling, li l-attendenza għalihom hija volontarja, psikologi u counsellors imħarrġin apposta, jittrattaw mal-qraba tal-pazjent kull problema li jkollhom jiffaċċjaw kawża tal-marda li tkun laqtet lil qaribhom. Il-proċess jinbeda hekk kif il-persuna tiddaħħal għall-kura, bil-qraba immedjati tagħha jingħataw informazzjoni dwar il-marda, dwar kif għandhom jaġixxu u kif huma stess iridu joqogħdu attenti mill-effett tat-trawma li jkunu għaddejjin minnha.

Ms Theresa Saliba, Senior Practice Nurse, li hija inkarigata mill-organizzar ta’ dan isservizz qalet lil din il-gazzetta li “s-servizz pilota bdejnieh is-sena li għaddiet, imma tant inħossu li kellu riżultati tajbin li issa estendejnieh għall-erba’ swali li għandna li fihom nilqgħu pazjenti b’mard mentali akut.

Għandna tliet counsellors jaħdmu fuq dan is-servizz u bejniethom qegħdin jagħmu 72 siegħa fil-ġimgħa. Is-sessjonijiet jitqassmu skont kif ikun determinat mill-psikologu li jkun tkellem ukoll mal-qraba. Il-qarib tagħhom ma jkunx jaf li qrabatu jkunu għaddejjin b’dawn is-sessjonijiet ta’ counselling. Is-sessjonijiet isiru fil-kumpless ta’ Monte Carmeli stess.” Mitlub jikkummenta dwar dan is-servizz ġdid id-Deputat Prim Ministru u Ministru għasSaħħa Chris Fearne qal li “dan is-servizz jinkwadra perfettament fid-dikjarazzjoni tagħna li l-kura tas-saħħa mentali se tkun qiegħda tingħata prijorità assoluta fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa għas-Snin 2020-2030 u li bħalissa tinsab fl-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika wara li nedejnieha f ’Ottubru li għadda.

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jintemm fl-aħħar ta’ Frar li ġej. Sfortunatament l-istigma fejn jidħol mard fis-saħħa mentali għadha qawwija u rridu nagħmlu minn kollox biex it-tali sitwazzjoni ma tibqax. Huwa għalhekk ukoll li se nkunu qegħdin nibnu sptar ġdid għall-kura tal-mard mentali u li se jkun jifforma parti mill-kumpless tal-Isptar Mater Dei. Irridu nneħħu l-mentalità li l-mard mentali huwa xi mard differenti minn kull mard ieħor.” Matul din is-sena s-servizz ta’ counselling, apparti l-erba’ swali imsemmijin se jkun qed jingħata wkoll fir-rigward ta’ persuni minorenni u żgħar fl-età. Ms Saliba żiedet tgħid li s-servizz qed jitħaddem b’kollaborazzjoni mill-qrib ħafna mal-Università ta’ Malta.

Studenti universitarji li qegħdin jipparteċipaw f ’korsijiet ta’ counselling qegħdin jingħataw l-opportunità li s-sigħat ta’ prattika meħtieġa skont il-kors jagħmluhom f ’dan is-servizz ta’ counselling f ’Monte Carmeli. Ms Saliba qalet li xtaqet tieħu din l-opportunità biex tirringrazzja lil SOS Malta li permezz ta’ VolServ volontieri ta’ din l-organizzazzjoni mhux governattiva qegħdin joffru servizz volontarju f ’Monte Carmeli fuq l-istess linji li joffruh fl-Isptar Mater Dei.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend