15-il krejn ġdid għall-Freeport ta’ Malta – One News

Notifiki

15-il krejn ġdid għall-Freeport ta’ Malta

B’investiment ta’ €31 miljun fl-operat u infrastruttura fil-Port Ħieles ta’ Malta, inġiebu 15-il krejn ġdid li jiswew madwar €20 miljun ewro u li ser jassiguraw inqas emisjonijiet u storbju għar-residenti tal-madwar.

Il-krejnijiet ġodda magħrufa bħala RTGs – Rubber Tyred Gantry Cranes, jintużaw biex jgħabbu u jniżżlu l-kontejners minn fuq il-vapuri tal-merkanzija, kif ukoll biex jitpoġġew minn post għall-ieħor madwar il-Port Ħieles.

F’konferenza għall-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-Freeport Alex Montebello spjega li l-krejnijiet il-ġodda, għolja 27 metru, huma mgħammra bl-aħħar teknologija fosthom white noise alarms.

“Permezz ta’ din it-teknoloġija white noise l-alarms se jidħlu in funzjoni ma’ nżul ix-xemx b’mod awtomatiku fuq dawn l-RTGs il-ġodda u għaldaqstant se jiġi ridott b’mod drastiku il-ħsejjes li jiġu ġġenerati minn dawn l-RTGs”.

Huwa tenna li l-50 krejn li bħalissa joperaw fil-freeport, fiż-żmien li ġej ukoll ser ikunu mgħammra b’din it-teknoloġija. Spjega wkoll li l-krejnijiet ser jinkludu dik li tissejjaħ stacked profiling li permezz ta’ sistema ta’ lasers tgħin sabiex jiġi evitat impatt ma kontejners oħra. L-RTGs iħaddnu wkoll sistema ta’ automatic steering. B’hekk l-operaturi ser jinqdew minn sistema li żżomm il-crane miexi dritt b’mod awtomatiku permezz ta’ GPS.

Is-sur Montebello sostna li għal darb’oħra sfruttaw l-aħħar teknoloġija biex il-Freeport ta’ Malta jibqa’ fost l-aqwa fl-Ewropa. Huwa fakkar li tul l-aħħar sena l-Freeport ipproċessa ammont ta’ kontejners rekord li jitla’ għal 3,300,100.

Bħala parti mill-investiment ta’ €31 miljun, sar ukoll xogħol infrastrutturali madwar il-Freeport filwaqt li nxtraw 36 trakk u 31 trailer ġdid:

“Poġġejna asfalt li jippermettilna li nistackjaw 6 kontejnerss fuq xulxin u għaldaqstant żidna l-kapaċità tat-terminal b’mod vertikali li jippermettilna li nħaddmu iktar volum ta’ kontejners fit-terminals tagħna”.

 Minn naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi tenna li hemm qbil flimkien mal-freeport sabiex bħala parti mir-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa isir ġnien u parkeġġ:

“Se nagħmlu proġett ta’ ġnien bejn il-Freeport u r-residenti biex noħolqu natural barrier. Dan se jkun parti integrali mir-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa. F’Birżebbuġa l-Gvern se jinvesti ħafna flus u apparti minn dan kollu se jsir ukoll parkeġġ li huwa importanti għar-residenti u kemm ukol għall-viżitaturi lejn Birżebbuġa”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend