Missier ta’ 12-il tifel u tifla jiċħad akkużi ta’ vjolenza domestika – One News

Notifiki

Missier ta’ 12-il tifel u tifla jiċħad akkużi ta’ vjolenza domestika

Missier ta’ 12-il tifel u tifla ċaħad akkużi ta’ vjolenza domestika wara li martu qalet li kkawżalha ġrieħi ħfief wara li mbottaha mit-taraġ għal isfel.

Fil-Qorti, il-Pulizija qalet li l-mara tal-akkużat instabet f’dar f’Bormla fid-demm ma’ wiċċha wara li ċemplet għall-għajnuna. Jidher li l-koppja ta’ spiss kienet targumenta b’mod serju.

L-akkużat, li għandu sitta u erbgħin sena, ċaħad dawn l-akkużi kollha, inkluż li bl-imġieba tiegħu, martu ma kellhiex għażla oħra ħlief li tibża’ li se tintuża l-vjolenza kontriha f’darha.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet ukoll kif ir-raġel huwa missier dedikat ħafna lejn uliedu, partikolarmant it-tifla ż-żgħira li qal li ta’ kuljum kien iwassalha l-iskola u jieħu ħsiebha waqt li ommha kienet tkun ix-xogħol.

Ir-raġel żied jgħid li kien ilu m’omm uliedu għal 28 sena u li “nixtieq li nirranġaw l-affarijiet, għaliex inħobbha”.

Iż-żewġ partijiet ipprovdew verżjonijeit differenti ta’ x’ġara, u r-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest abbażi ta’ diversi kundizzjonijiet, fosthom li jirrispetta ordni ta’ protezzjoni li nħarġet mill-Qorti, li ma jersaqx lejn martu, u jsib x’imkien ieħor fejn jgħix.

Huwa kien ordnat ukoll li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, li ma joħroġx mid-dar bejn il-11:00pm u s-07:00am, u li jintrabat b’garanzija personali ta’ €8,000.

Il-Qorti żiedet tgħid li jekk ir-raġel jikser l-ordni ta’ protezzjoni jeħel massimu ta’ €7,000 u sentenza ħabs.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend