Il-Gvern Malti se jagħti l-għajnuna meħtieġa lil Sea Watch 3 u Prof Albrecht Penck f’każ ta’ emerġenza – One News

Notifiki

Il-Gvern Malti se jagħti l-għajnuna meħtieġa lil Sea Watch 3 u Prof Albrecht Penck f’każ ta’ emerġenza

Il-Gvern Malti qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni b’rabta mal-bastiment Sea Watch 3 u Prof Albrecht Penck u se jkun qed jagħti kwalunkwe għajnuna meħtieġa f’każ ta’ emerġenza, skont kif huwa marbut bil-liġi li jagħmel sakemm ma tinstab soluzzjoni. Dan hekk kif Malta, għal darb’oħra, se tkun qed terfa’ responsabbiltajiet li jmorru lil hinn minn dak mitlub minnha f’dik li hija solidarjetà Ewropea.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li Malta m’għandha ebda kompetenza legali fis-salvataġġ tal-migranti abbord il-bastimenti, hekk kif dawn interċettaw immigranti fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana u Taljana. L-NGOs ma tħallewx jidħlu fil-portijiet, u allura kienu baqgħu f’ibħra territorjali Maltin.

Waqt li kien għaddej dan kollu, Malts salvat 249 immigrant ieħor mill-għarqa skont l-obbligazzjonijiet tagħha. Issa, Malta, l-iżgħar Stat Membru Ewropew, qed tkun mitluba tieħu l-immigrant abbord dawn iż-żewġ bastimenti, simili għal kif kien ġara ftit tax-xhur ilu meta Malta kellha rwol attiv ħafna fit-turija ta’ solidarjetà effettiva.

F’dan il-kuntest, il-Gvern qal li jemmen li d-diskussjoni dwar rilokazzjoni ad hoc m’għandhiex tkun limitata biss fir-rigward tal-persuni abbord dawn iż-żewġ bastimenti, iżda għandha tkun estiża għall-persuni li diġà ġew salvati u jinsabu Malta.

Bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet meħtieġa dwar dan kollu, u l-Gvern qed juri x-xewqa dawn ikunu konklużi fis-sigħat li ġejjin.

Soluzzjoni Ewropea fit-tul dwar dwan is-sitwazzjonijiet għandha tkun prijorità biex tkun evitata sitwazzjoni simili fil-futur, u stati bħal Malta, li dejjem imxew mal-obblugazzjonijiet tagħhom, ma jitgħabbewx b’aktar responsabbiltà milli huwa mitlub minnhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend