Pierre Portelli jattakka l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil – One News

Pierre Portelli jattakka l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil

Bl-aktar mod skjett, waqt intervista fuq il-programm XTRA, il- Kap tal-Media tal-Partit Nazzjonalista u l-id il-leminija tal-Kap Adrian Delia, Pierre Portelli, iddikjara li ċerti politiċi kienu jħossuhom komdi jinħbew wara l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia. Caruana Galizia, bl-assistenza ta’ Simon Busuttil kienet ħaditha qatta bla ħabel kontra Adrian Delia meta ppubblikat diversi stejjer dwar l-allegat passat ikkulurit ta’ Adrian Delia.

Dawn l-istejjer saħansitra involvew allegazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus u dħul minn briedel f’Soho.

Dwar dan, Portelli reġa’ ħareġ għonqu għal Delia u donnu nesa l-attakk fuq il-familja tal-Prim Ministru meta ddikjara li dan kien l-akbar attakk fuq politiku fl-istorja ta’ pajjiżna.

Dakinhar, wara li ħarġu dawn l-allegazzjonijiet kemmxejn koroh fil-konfront tiegħu, Delia kien fetaħ numru ta’ libelli fil-konfront tal-blogger, madankollu l-verità mistennija tibqa’ mistura hekk kif Delia stess waqqa’ dawn il-libelli l-għada tal-omiċidju.

Portelli qal li “Adrian Delia għadda minn sena u nofs, kważi sentejn, iebsin immens. Jien naf għax għixthom miegħu, u naħseb li fil-politika rari għaddejna minn żminijiet diffiċli bħal dawn”.

Waqt l-istess intervista, Portelli saħansitra kkritika l-investigazzjoni tal-Pulizija li wasslet għall-arrest tat-tliet persuni li huma akkużati bil-qtil, u qal li “minflok, il-Gvern qed jiġri wara x-xemgħat”.

Din id-dikjarazzjoni ġabet ir-reazzjoni immedjata tal-avukat u opinjonista Edward Gatt fejn spjega kif din l-investigazjzoni laħħqet livelli bla preċedent u li dikjarazzjoni bħal dik li għamel Portelli ma tagħmilx ġieħ lill-familjari ta’ vittmi oħra ta’ omiċidji.

Fl-istess żmien li Pierre Portelli flimkien mal-uffiċċjali qrib Delia qed jieħdu bejniethom mijiet t’eluf kbar f’salarji u perkaċċi, Portelli reġa’ kkonferma li l-Partit Nazzjonalista jinsab fi stat finanzjarju ħażin.

Din id-dikjarazzjoni ħabtet ukoll ftit ġimgħat biss wara li b’ħafna pompa l-Partit Nazzjonalista qal li l-2018 kienet meqjusa sena rekord ta’ ġbir. Pierre Portelli ma ddejjaqx jgħid li “finanzjarjament bilkemm nistgħu niċċaqalqu”.

Portelli ma naqasx li jsemmi li minħabba l-impulsività tal-Kap Adrian Delia, l-aktar nies qribu jkollhom iżommulu r-riedni:

“Jien wieħed min-nies li kuljum, jien u Clyde (Puli) l-aktar, kważi rridu nżommulu r-riedni”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend