Malti jirrakkonta meta Schumacher ipponta lejh meta kien qed joħodlu ritratt – One News

Malti jirrakkonta meta Schumacher ipponta lejh meta kien qed joħodlu ritratt


Wara karriera li ġabet magħha 7 kampjonati dinjin b’91 rebħa fil-Formula 1, illum Michael Schumacher għalaq 50 sena. Tragward ieħor wara li inċident sfortunat 5 snin ilu waqt btala fl-Alpi Franċiżi ħalla lill-leġġenda Ġermaniża f’qagħda kritika.

L-inċident seħħ f’Diċembru tal-2013 meta Schumacher tilef il-kontroll waqt li kien qed jiskijja u ħabat rasu ma’ ġebla, b’riżultat  li spiċċa f’koma għal 6 xhur. Madankollu f’Ġunju ta’ 4 snin ilu ttieħed f’daru biex ikompli bir-rijabilitazzjoni.

Id-dettalji kollha tal-każ u l-qagħda fiżika ta’ Schumacher dejjem baqgħu magħluqa bejn l-erba’ ħitan ta’ daru. Qrabata żammew is-silenzju għajr għal ftit stqarrijiet fosthom dik li ħarġet fl-aħħar sigħat biex tgħid li Schumi, kif kien l-magħruf, qed jirċievi l-aqwa trattamenti possibli.

Qalu li s-silenzju huwa skont ix-xewqat li wera Schumacher.

One News tkellem ma’ Pierre P. Vella, ġurnalist sportiv u wieħed mill-ftit Maltin li kellu relazzjoni personali ma’ Schumacker.

Irrakuntalna waħda mill-ħafna esperjenzi li kellu miegħu.

Qal li “Waħda mit-tips li kienu qaluli biex nibda nitkellem miegħu kienet “isma tkellem fuq kollox imma titkellimx fuq il-Formula 1” u niftakar konversazzjoni ħelwa li kellna kienet fuq it-tfal u l-familja, it-trobbija tat-tfal. Qas biss niftakar kemm domna nitkellmu fuq din il-biċċa tax-xogħol.”

Qalilna li darba fost oħrajn Schumacher tħawdu ma’ spija minn teamijiet oħra.

Spjega kif “Waqt test session li kien hemm ġewwa Fiorano inzertajt inżilt minn fejn kont u bdejt nieħu ritratti tal-istess Michael Schumacher hekk kif kien ħiereġ minn ġol-garage u filfatt fir-ritratt li għandi tara litteralment lil Michael Schumacher qed jindika l-mechanics u qed jipponta lejja li qed nieħu r-ritratt.”

Qal li l-inċident ta’ Schumacher kien sfortunat, iżda sostna li s-sewwieq ħa jibqa’ jiftakru bħala bniedem resiljenti.

Qal “Jien li rrid inħares lejn il-posittiv u nħares lejn 1999 meta kiser saqajh ġewwa Silverstone, kulħadd qal li l-karriera tiegħu spiċċat, irritorna fl-ewwel Grand Prix ġol-Malaysia, l-istess sena, track ġdida, ħareġ hemm u nista’ ngħidlek li lis-sewwieqa l-oħra għaddihom u kważi kważi beda jistennihom.”

Intant illum fil-Mużew tal-Ferrari f’Maranello fetħet wirja speċjali dwar Schumacher filwaqt li qrabatu ħarġu pjattaforma diġitali biex ifakkru l-kisbiet tal-leġġenda Ġermaniża.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend