Notifiki

Imwaqqfa 558 sewwieq mill-Pulizija fl-ewwel lejl tas-sena

L-ewwel lejl tas-sena kien wieħed bla fatalitajiet, fejn il-Pulizija waqqfet total ta’ 558 sewwieq f’diversi spezzjonijiet li saru madwar il-Gżejjer Maltin.

Minn dawn is-sewwieqa, tlieta biss instabu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol. L-operazzjonijiet raw il-parteċipazzjoni tal-Pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku flimkien ma’ dawk mis-sezzjoni tal-klieb.

L-Ispettur Pierguido Saliba, li mexxa dawn l-operazzjonijiet, qal li matul dan il-lejl il-Pulizija kompliet tibni fuq is-suċċessi tas-snin li għaddew. Madankollu wera d-diżappunt tiegħu li, għalkemm ftit, xorta kien hemm persuni li ssugraw jixorbu u jsuqu:

“Wieħed minnhom anke kiser ir-rekord tal-ammont ta’ alkoħol għoli, kien perikoluż immens għalih u għal ħaddieħor, tant li lanqas induna li qed nippruvaw inwaqqfuh. Kien hemm irregolaritajiet oħrajn, eżempju sewqan mingħajr liċenzji, difetti fil-vettura, u diffeti fis-sigurtà tal-vettura”.

L-Ispettur Saliba qal kif il-ħidma kienet ikkaratterizata minn numru ta’ ‘roadchecks’ bil-għan li tiżdied il-viżibilità tal-Pulizija u tkun ta’ detterent għal dawk li jsuqu b’mod irresponsabbli. Saru spezzjonijiet ukoll għad-droga u l-isplussivi:

“Nibdew roadcheck f’żona, imbagħad neqilbu f’oħra, għax konna nafu li kien hemm in-nies permezz tal-midja soċjali u radji biex jaraw fejn qegħdin Pulizija biex isuqu toroq alternattivi imma ma ħasbux li aħna konna nafu bihom u bdejna niċċaqalqu minn triq għal oħra”.

Viżibilment għajjien wara siegħat twal ta’ ħidma, Saliba kellu kliem ta’ apprezzament għall-uffiċjali kollha li ħadmu f’dawn il-jiem ’il bogħod mill-familja.

“Aħna nkunu qegħdin għall-elementi u għan-nies li ma jobdux ir-regolamenti, għandna sigħat twal ħafna li lanqas wara ma nkunu nistgħu jgawdu l-ħin mal-familja, imma ta’ dan aħna ħadna ġurament u rridu noqgħodu miegħu”.

L-Ispettur Saliba appella għall-iżjed attenzjoni sabiex l-aħħar jiem ta’ festi jispiċċaw mingħajr ebda fatalità frott l-irresponsabilità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend