Raġel ma jinstabx ħati li kien qed jgħix bi qligħ mill-prostituzzjoni – One News

Notifiki

Raġel ma jinstabx ħati li kien qed jgħix bi qligħ mill-prostituzzjoni

Peter Borg ta’ 39 sena nħeles minn akkużi li kien qed jgħix bil-qligħ mill-prostituzzjoni ta’ tfajla Maltija. Dan minħabba l-fatt li l-allegat prostituta għażlet li ma tixhidx kontrih fil-Qorti biex ma tinkriminax ruħha.

Fl-istess ħin, Borg inħeles minn akkużi li sellef flus b’imgħaxxijiet għoljin, li beżża’ tfajla li se tintuża l-vjolenza fil-konfront tagħha, u li taha fastidju.

Il-każ jeħodna lura għal Jannar tal-2015, meta mara rrappurtat lill-Pulizija li kienet taf lill-akkużat. Hija qalet li bejn April u Mejju tal-2014, aċċetta li jgħaddilha s-somma ta’ €500, jekk hi tagħtih €1,000 lura, u tħallashom b’€100 fil-ġimgħa.

L-Ispettur Yvonne Farrugia spjegat li wara dan, il-mara reġgħet isselfet €1,500 ewrp għalih u għall-ħabiba tagħha. Ta’ dawn, l-akkużat ried li jitħallas €3,000. Kien allegat li l-akkużat baqa’ jfittex lill-mara anke wara li raddet dawn il-flus lura. L-Ispettur Farrugia qalet li l-akkużat kien kontinwament jhedded lill-mara, u jisfurzaha tibqa’ tipprostitwixxi ruħha minkejja li kienet qed tistenna tarbija.

Borg kien arrestat mal-ewwel hekk kif il-Pulizija rċiviet ir-rapport. Jidher li dan ma weġibx għad-domandi li sarulu waqt l-arrest, iżda ammetta li sellef xi flus lil mara, iżda mhux b’imgħaxxijiet għoljin.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo innutat li l-mara li għamlet ir-rapport lill-Pulizija għażled li ma titlax tixhed fil-Qorti biex ma tinkriminax ruħha. Innutat ukoll li persuni oħra li xehdu huma persuni li kellhom x’jaqsmu mal-investigazzjoni, iżda mhux persuni li setgħu verament jikxfu dettalji dwar dan il-każ.

Minħabba nuqqas ta’ provi, il-Qorti lliberat lil Peter Borg tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend