Agħti merħba lill-2019 fil-Belt Valletta! – One News

Notifiki

Agħti merħba lill-2019 fil-Belt Valletta!

Għal sena oħra, pjazza San Ġorġ fil-belt se tkun iċ-ċentru ewlieni fejn se jintgħaddu l-aħħar tokki tas-sena u tingħata bidu għas-sena l-ġdida. Fl-aħħar jiem bdiet attività biex jintrama dak kollu meħtieġ biex jittella’ spettakklu ieħor kbir f’din il-pjazza li f’nofs ix-xahar laqgħet ukoll l-Ahhar Festa b’rabta mal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw id-dettalji tal-attività tal-aħħar tas-sena, ingħad li l-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 jonqsu biss l-aħħar avveniment li ssemma’ “Be the Festa.”

Fil-fatt iktar kmieni ġewwa Pjazza San Ġorġ, wieħed seta’ jassisti għall-aħħar preparamenti fuq il-palk li fih ser ikun qed jilqa’ wħud mill-aqwa artisti lokali. L-ispettaklu se jibda fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija permezz tad-dwett lokali Xarulu. Il-qofol mistenni jintlaħaq b’kunċert minn Ira Losco akkumpanjata mill-band tagħha.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, tenna li dakinhar, is-servizz tal-park and ride tal-Furjana kif ukoll is-servizzi tal-karozzi tal-linja u s-servizz bil-baħar minn u lejn il-Belt se jibqgħu għaddejjin sas-sagħtejn ta’ filgħodu.

“Jiena konvint li b’dak kollu li ppreparajna u bis-sorpriżi li se jkollna nhar it-Tnejn filgħaxija definittivament dawk li se jmorru lura d-dar se jgħidu “x’gost kien hemm, kemm ħadna pjaċir.”

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi tenna li wieħed ma jistax ma jħarisx lura lejn il-kisbiet li saru f’din is-sena ddedikata għall-kultura u li ser jissarrfu fi pjattaforma li tgħin issaħħaħ is-settur kulturali.

“Il-Kultura saret prijoritá nazzjonali. Hija niċċa importanti għaliex ittejjeb il-kwalità tal-għajxien tan-nies u kif ukoll toħloq opportunitajiet ta’ xogħol għal ħafna u ħafna żgħażagħ”.

 Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista tenna li hekk kif issa waslet fit-tmiemha din is-sena tant importanti għall-kultura Maltija, il-ħidma xorta mhux se tieqaf hawn:

“Valletta 2018 mhux se tibqa’ Valleta 2018, imma se ssir Valletta 2019, Valletta 2020, u aktar”.

Corazon Mizzi u Owen Bonnici se jkunu l-preżentaturi matul is-serata u wara l-kunċert ta’ Ira Losco, DJ Pierre Cordina se jkun qed jallegra lill-folla b’taħlita tal-aqwa kanzunetti tal-2018, li se jwasslu għall-aħħar tokki ta’ nofsillejl u l-bidu tas-sena 2019.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend