Jinżamm arrestat wara li kien akkużat li kellu x’jaqsam ma’ tifla ta’ 13-il sena – One News

Notifiki

Jinżamm arrestat wara li kien akkużat li kellu x’jaqsam ma’ tifla ta’ 13-il sena

Żagħżugħ ta’ 18–il sena mill-Għargħur kien akkużat quddiem il-Qorti li kkorrompa minuri u li kellu x’jaqsam sesswalment magħha.

Jidher li l-każ ħareġ fil-beraħ wara li omm it-tfajla li magħha kellhom x’jaqsam sesswalment il-ġuvni, sabet il-mobile tagħha b’konversazzjoni li turi rapporti sesswali bejniethom. It-tifla għandha 13-il sena. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone li qalet li t-tifla stqarret li ma kienet taf tagħmel xejn u għallimha kollox l-akkużat fejn saġansitra wkoll heddidha li jekk ma tagħmilx li jgħidilha, kien se jxerrdilha r-ritratti li ħadilha.

L-akkużat wieġeb li mhux ħati ta’ dawn l-akkużi u d-difiża mmexxija mill-avuat difensur Dr. Alfred Abela talab il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjon oġġezzjonat għal dan. Min-naħa tagħha d-difiża saħqet li l-provi jinsabu kollha għand il-pulizija u li dan kien każ fejn ġuvni ta’ 18-il sena kien mingħalih qed jitkellem ma’ tifla ta’ 17-il sena.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, wara li kkunsidrat in-natura tar-reat u anke l-possibbilità li jintemssu l-provi, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex l-imputat jinżamm fil-faċilità YOURS liema talba ġiet milqugħa. Ġie ordnat ukoll divjet fuq l-ismijiet.

Dr Lara Dimitrijevic dehret għal minuri u l-familja tagħha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend