It-tifel biċ-ċirku – One News

Notifiki

It-tifel biċ-ċirku

It-tfajjel kien liebes biss qmejsa tawwalija, irqiqa u maħmuġa. Jaqbad iċ-ċirku li kellu moħbi wara x-xatba qalb ix-xewk, jislet il-maqbad tal-fildiferru minn rokna u jitlaq jiġri mat-toroq tal-Mosta.

Barra x-xemx għadha kif bdiet titħajjar titla’ wara lejl dlam u xita u riħ. Mill-quċċata tal-Blata l-Għolja, lil hawn minn Tas-Sriedak mat-trejqa li tieħu għall-Imġarr, jidher nieżel trakk, kemm kemm jitħarrek. It-tifel jilmħu u jieqaf jistennieħ. It-tifel jaf xi jfisser dak it-trakk. L-istonku jħossu tiela’ kull meta jarah. Iżda jieqaf iħares xorta waħda.

It-trakk qadim kien jinten seba’ pesti. Riħa ta’ duħħan iswed li jitħallat ma’ ħmieġ tal-bhejjem u dranaġġ. Il-kabina kienet darba ħamra, illum mibruxa u mgħattna kollha. Ix-xufier kien aktarx xwejjaħ. Dan xiħ jew mhux xiħ? jaħseb it-tfajjel. Ix-xufier daqsxejn ta’ bniedem b’tentufa ta’ sigarru jdaħħan għajjien bejn xufftejh u bil-bżieq kannella jliegħeb mill-irkejjen ta’ ħalqu għal mal-leħja bajda qed tinbet ma’ geddumu.

It-tfajjel iħares lejh. Ġbinu mkemmex, mistagħġeb. Lix-xufier, il-beritta kienet ħolqitlu sinjal f’rasu, fuq ġbinu: il-ġilda bajda mħallta fir-roża bla xagħar xejn moħbija dejjem taħt il-beritta, u l-ġilda mkemmxa u samra tibla’ dawl ix-xemx u d-duħħan tas-sigarru tal-weraq tat-tullier niexef.

Dan li ma jistax jifhem it-tfajjel: ħarset ix-xufier hi ta’ bniedem iżgħar. It-tfajjel joqgħod jarah mitluq fuq l-istering, isuq kemm kemm jasal, jaqbeż, jitqammeż fuq it-triq imkissra kollha feriti ta’ żrar imqalla’ u ħofor kollha tajn u ċaflis u frajjaġ ta’ redus, u ħmieġ taż-żwiemel u tal-ħmir li għadhom kemm għaddew bil-bejgħa jew bil-ħaddiema.

It-tfajjel jiġri wara t-trakk li għan-niżla donnu nieżel waħdu. It-tifel igerbeb iċ=ċirku u jmexxieh bil-fildiferru. Hemm intiena kbira ħierġa minn kull fejn jgħaddi t-trakk. It-tifel iserrep warajh, mitluq għaddej kif jista’ mill-ħofor imdaqqsin fl-irkejjen u fin-nofs tat-triq.

Din hija silta’ mill-ktejjeb ħelu ‘Nismagħhem jgħidu’ ta’ Paul P. Borg fejn joħodna lura fiż-żmien meta Malta kienet differenti mmens. Dak li llum qas noħolmu li nagħmlu jew naraw, kienu l-ordni tal-ġurnata. Illum malli tfajjel jiftaħ għajnejh, l-ewwel ħaġa li jagħmel wisq probabbli huwa li jaqbad il-mobile u jqalleb facebook. Dari, tfajjel kien jara x’temp hu u jaħseb x’se jivvinta biex jgħaddi l-ħin. Kien joħroġ mid-dar ma’ sbieħ il-jum u jirritona għall-ikel fost ħafna tgergir mill-omm biex jiekol għaliex moħħu mtajjar għall-barra. Illum it-traffiku u l-karozzi qatgħu għal kollox dan it-tip ta’ logħob ħelu li dari kienu jiekluh bħal ħobż. Id-dehra ta’ trakk fit-triq kienet unika qisha waqgħet xi kometa għaliex il-karozzi kienu skarsi mentri llum nixtiequ li nfaqqgħu subgħajna u naslu fid-destinazzjoni li jkollna ta’ kuljum.

It-tfajjel kien jinnota, jaħseb u jitkixxef mentri llum issib min jgħidlek li forsi tgħażżinna xi ftit iżjed għaliex kull mistoqsija li tiġina f’moħħna, naqbdu l-mobile u nsibu tweġiba għaliha fuq l-internet. Imma dak hu l-progress u dik hija l-bidla. Min jaf…abbli 50 sena oħra jkunu qed jiktbu dwar kif għexna aħna ta’ dan iż-żmien. Iżda tajjeb li niftakru b’għożża ż-żmienijiet ħelwin bid-differenzi tagħhom u napprezzawhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend