L-MPO tiċċelebra l-50 sena fl-Istati Uniti

L-2018 kienet sena mimlija għall-Orkestra Filarmonika ta’ Malta hekk kif qiegħda tiċċelebra l-50 sena anniversarju, pass importanti fix-xenarju kulturali lokali. Jispikka fl-istaġun kurrenti tal-orkestra, it-Tour Internazzjonali Valletta 2018, li jimmarka l-ewwel apparenza li qatt għamlet l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fl-Istati Uniti b’esibizzjonijiet f’Philadelphia, Washington D.C. u New York.

Taħt id-direzzjoni mużikali Armen Sergey Smbatyan, l-orkestra tat tribut lill-kompożitur Joseph Vella, li ħalliena fl-aħħar żmien. Il-poeżija sinfonika tiegħu “Rebbieħa” tirreferi għall-istorja ta’ Malta u l-abbiltà ta’ pajjiżna li jirbaħ l-isfidi li ffaċċja matul iż-żmien.

Waqt il-kunċerti ħa sehem ukoll Ingolf Wunder fis-suite għall-pjanu u l-orkestra ta’ Alexey Shor’s Travel Notebook. Din huma seba’ biċċiet mużika qosra li jwasslu l-impressjonijiet tal-kompożitur waqt il-vjaġġi tiegħu fi stil neo-klassiku.

Is-sinfonija epika numru 5 ta’ Shostakovich kienet magħżula bħala x-xogħol prinċipali tal-programm, kompożizzjoni li tirrappreżenta waħda mill-akbar misteri tal-mużika tas-Seklu 20. Din id-dilemma toħroġ minn jekk il-final ipinġix fattwalment jew inkella b’mod satiriku t-tmiem rebbieħ tar-reġim.

L-esibizzjonijiet fil-Kimmel Centre for Performing Arts ta’ Philadelphia u fl-iStrathmore Music Center ta’ Washington intlaqgħu tajjeb ħafna mill-udjenza u mill-kritiċi rispettivament. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta rċeviet żewġ standing ovations fiż-żewġ postijiet, bi BlogCritics ifaħħar l-orkestra bħala ta’ “klassi globali”.

Madankollu, li spikka l-aktar waqt dan it-tour fl-Istati Uniti kien il-kunċert fi New York fil-leġġendarja Carnegie Hall. L-Orkestra Filarmonika ġibdet l-attenzjoni tal-udjenza numeruża li mliet l-awditorju kollu, waqt li l-kritiku George Grella ddeskriva l-esibizzjoni “impressjonanti”.

It-tour issa jiġi fi tmiemu fir-Russja b’esibizzjonijiet fil-Moscow Conservatory Grand Hall u fil-Mariinsky Theatre f’Saint Petersburg.

L-MPO Valletta 2018 International Tour qiegħed jiġi ppreżentat b’kollaborazzjoni mal-European Foundation for the Support of Culture.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend