Notifiki

Żieda ta’ aktar minn 10% fil-wasliet tat-turisti f’Ottubru

Aktar minn 270,000 żaru pajjiżna f’Ottubru. Din tfisser żieda ta’ 10.1% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.

Dan irriżulta minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wriet kif b’kollox saru 236,271 vjaġġ turistiku lejn pajjiżna għal skopijiet ta’ vaganzam filwaqt li kważi  19,000 oħra saru għal skopijiet ta’ negozju.

It-turisti li żaru pajjiżna minn stati membri tal-Unjoni Ewropea żdiedu b’9.3% għal kważi 224,000 meta mqabbel max-xahar tal-2017. Il-maġġoranza tat-turisti kellhom bejn 25 u 44 sena.

It-total ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’pajjiżna żdied bi 8% meta mqabbel ma’ Ottubru tas-sena l-oħra, biex b’hekk, laħħqu kważi l-1.3 miljun lejl. Il-maġġoranza ta’ ljieli, t-turisti qattgħuhom fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva.

L-ispiża totali tat-turisti kienet ta’ madwar €216-il miljun, li tfisser żieda ta’ 3.3%  fuq l-istess xahar tal-2017.

Iċ-ċifri tal-NSO juru kif il-vjaġġi tat-turisti lejn Malta fl-ewwel għaxar xhur tas-2018 qabżu ż-2.3 miljun, li tfisser żieda ta’ 15% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

It-total ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena żdied bi 12.9%, u laħħaq kważi s-17-il miljun lejl.

Fl-istess perjodu, l-ispiża totali tat-turisti laħqet kważi ż-żewġ biljun ewro, 8.6% ogħla mill-ispiża fl-istess xhur tal-2017. L-ispiża totali ras għal ras baqgħet ta’ €825, li timmarka tnaqqis ta’5.5% ameta mqabbel mal-2017.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend