Jissaħħaħ id-djalogu bejn l-imprendituri u l-persuni b’diżabilità – One News

Notifiki

Jissaħħaħ id-djalogu bejn l-imprendituri u l-persuni b’diżabilità

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, fil-Jum Dinji għad-Diżabilità, indirizza l-konferenza nazzjonali tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità intitolata ‘Yes for Everybody’.

Anthony Agius Decelis qal li l-Gvern jemmen u jaħdem bis-sħiħ għall-inklużjoni ta’ kull individwu fis-soċjetà Maltija biex kulħadd iħossu parti integrali mis-soċjetà u jsemma’ leħnu. Elenka numru ta’ inizjattivi li ħa dan il-gvern biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità f’oqsma differenti inkluż fid-dinja tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari żied li bis-saħħa ta’ din il-konferenza se tinbet relazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-imprendituri Maltin u Għawdxin, il-persuni b’diżabilità u l-partijiet interessati fis-settur tad-diżabilità.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna tkellem dwar l-iżvilupp tal-Malta Disability Business Forum. Qal li dan il-forum ifittex li tinħoloq pjattaforma biex titqajjem diskussjoni bil-għan li l-imprendituri u l-persuni b’diżabilità jifhmu aktar lil xulxin u jaħdmu flimkien u jittieħdu passi ’l quddiem li jkunu aktar effettivi minn dawk li diġà saru sa issa, kif ukoll jindirizzaw sfidi preżenti.

Agius Decelis irrimarka li bħal dejjem iħalli l-bieb miftuħ għad-diskussjoni u għad-djalogu mal-partijiet interessati kollha fis-settur tad-diżabilità biex flimkien inkomplu nagħmlu d-differenza fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend