Tintemm il-konsultazzjoni pubblika fuq il-Pjan ta’ Strateġija għall-Kottonera – One News

Notifiki

Tintemm il-konsultazzjoni pubblika fuq il-Pjan ta’ Strateġija għall-Kottonera

Matul is-sitt ġimgħat li għaddew mijiet ta’ persuni pparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta’ Strateġija għall-Kottonera. Id-dokument li kien imħejji mill-Kumitat għar-Riġenerazzjoni tal-Kottonera u l-Awtorità tal-Ippjanar kien ippublikat fis-6 ta’ Ottubru.

Il-Kordinatur Eżekuttiv, Glenn Bedingfield qal, “kienet esperjenza pożittiva ħafna li iltqajna ma’ mijiet ta’ nies li għandhom għal qalbhom il-Kottonera – kemm nies li jgħixu fil-Kottonera jew li kienu jgħixu hemm u llum joqogħdu f’postijiet oħra, iżda wkoll nies li m’għandhom x’jaqsmu xejn maż-żona iżda xorta waħda ħassew li kellhom jgħidu l-opinjoni tagħhom u dan kien ta’ pjaċir għalina għax ifisser li d-dokument serva biex ħoloq diskussjoni dwar ir-riġenerazzjoni tant meħtieġa fit-tlett ibliet u l-Kalkara”.

Ewlenin fit-tħejjija għal dan id-dokument kienu l-kunsilli lokali li flimkien magħhom tfasslu ħafna mill-proposti li hemm inklużi speċjalment fejn jidħlu proġetti infrastrutturali. Saru wkoll bosta laqgħat ma’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni u dak soċjali. Importanti wkoll kien is-sehem tal-Knisja. Glenn Bedingfield qal, “Waħda mill-aktar laqgħat li kienet pożittiva, kienet il-laqgħa mat-tfal li jattendu r-raba’ sena tal-iskola tal-Isla, li matulha kellhom iċ-ċans jesprimu l-ħsibijiet tagħhom li kkonċentraw l-aktar fuq l-ambjent u t-tisbiħ tal-lokalitajiet fejn jgħixu”.

Glenn Bedingfield appella wkoll biex il-komunità tan-negozju fil-Kottonera torganizza ruħha ħalli tkun tista’ titkellem b’vuċi waħda. Billi fil-Kottonera qed jiżdied in-negozju u l-investiment mistenni jkompli jikber, “ikun tajjeb li jkun hemm komunità kummerċjali li tkun organizzata ħalli s-sidien tal-ħwienet, negozji u min irid jinvesti fil-Kottonera jkollu vuċi fit-transizzjoni li għaddejja minnha l-Kottonera”, insista Glenn Bedingfield. Għadd ta’ sidien ta’ negozji fil-Kottonera huma membri tal-GRTU iżda mhumiex organizzati bħala komunità kummerċjali.

Is-sottomissjonijiet kollha li daħlu qed ikunu analizzati, qabel id-dokument finali jiġi diskuss fil-Kabinett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend