F’Ħal Għargħur Kulħadd iħokk fejn jieklu – One News

Notifiki

F’Ħal Għargħur Kulħadd iħokk fejn jieklu

X’inhu dal-ħakk li kulħadd isemmi?  ĦAKK jaqbad lil dak li jkun meta jisfa mċekken, miġrugħ, imwaqqa’ għaż-żuffjett, jew imwarrab għax jitqies differenti, jew jitqies bħala ‘m’hux normali’. L-agħar meta dak li jkun jibda jemmen li hu tabilħaqq hekk: redikolu, ma jiswa għal xejn.

Il-produzzjoni ‘Kulħadd Iħokk Fejn Jieklu’, minn DWAL ĠODDA barra minn dan il-ĦAKK, timmira wkoll li toħroġ fid-dieher kemm hu ‘taċ-ċajt’ min hu ħati ta’ aġir hekk. Dan it-tali ikun moħħu biex joqros, ibaxxi, jirfes, jikkontrolla ħalli – mingħalih – jidher kbir hu. Qajla jifhem kemm hu stess hu ‘taċ-ċajt’.

Tul il-mixja teatrali tagħha mill-1970 ’lhawn, l-Għaqda Teatrali DWAL ĠODDA għodsot kemm fi produzzjonijiet ta’ kittieba teatrali tal-membri tagħha, dawk ta’ kittieba stabbiliti Maltin (eż. Francis Ebejer, Joe Friggieri), kif ukoll dawk barranin (Arthur Miller, Neil Simon, Alan Aykbourn, Molière).  ‘Kulħadd Iħokk Fejn Jieklu’ (f’żewġ atti, kitba ta’ Martin Gauci) hija frott diskussjonijiet tal-membri fi ħdan DWAL ĠODDA dwar ġrajjiethom dwar kif iħabbat il-polz tal-bniedem (mhux bilfors dak Malti biss) meta jaqbdu l-ĦAKK.

Wara li għadda l-istaġun tal-festi f’pajjiżna, l-atturi ta’ DWAL ĠODDA qed iħejju festa teatrali fejn il-‘murtali’ ma’ jonqsux. U l-ħarqa tkun mħawra b’murtali teatrali kemm komiċi kif ukoll traġiċi, iżda ħafna jiddependi fuq kif l-udjenza tħares lejhom. Dawn idawlu s-sema għall-udjenza ħalli tasal tiskopri kif tilmaħ ix-xemx ukoll meta s-sema jkun miksi bi sħab oħxon folt.

‘Kulħadd Iħokk Fejn Jieklu’ se titwassal minn DWAL ĠODDA nhar il-Ġimgħa u s-Sibt 22, 23 ta’ Novembru fit-8.00pm, kif ukoll il-Ħadd 24 ta’ Novembru fis-6.30pm fi Spazju Teatrali, F’Ħal Għargħur. M’hemmx separju li jitla’ u jinżel, u jista’ jkun li l-udjenza wkoll tispiċċa tħokk rasha, hi u tgħaddi mill-ħajja fit-teatru, għat-teatru tal-ħajja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend