Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri jħabbar li se jiltaqa’ mal-ħaddiema kollha tas-Satabank – One News

Notifiki

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri jħabbar li se jiltaqa’ mal-ħaddiema kollha tas-Satabank

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri ħabbar fil-Parlament li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jiltaqa’ mal-ħaddiema kollha tas-Satabank.

Fost protesti kontinwi min-naħa tal-membri tal-Oppożizzjoni, is-Segretarju Parlamentari Schembri wissa lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi biex ma jkomplix jigdeb dwar is-Satabank bħal ma għamel fl-aġġornament tal-Kamra lbieraħ filgħaxija.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, is-Segretarju Parlamentari Schembri talab li tittieħed azzjoni fuq l-allegazzonijiet ta’ Azzopardi billi jmur għand l-awtoritajiet u jagħtihom l-informazzjoni għandu fil-pussess tiegħu.

Huwa qal li Azzopardi qed jinħeba taħt il-kappa tal-privileġġ parlamentari billi jagħmel allegazzjonijiet infondati u mbagħad, barra l-Kamra, ma jagħmel xejn biex jissalvagwardja s-settur finanzjarju Malti. “Jiena ma naf b’ebda istanza li Azzopardi jew Simon Busuttil marru barra minn Malta biex jiddefendu lil Malta”, saħaq Silvio Schembri.

Fuq mistoqsija tal-whip tal-gvern Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari Schembri qal l-gvern għandu limiti sa fejn jista’ jaħdem peress li s-Satabank bħalissa huwa taħt proċedura ta’ amministrazzjoni, proċedura li titmexxa mill-MFSA, li wasslet biex ġew friżati l-kontijiet ta’ kull persuna u kumpanija depożitati mas-Sata Bank. L-MFSA qed taħdem 24 siegħa kuljum mal-amministrattur, l-EY, biex tara li dan il-każ jiġi riżolt malajr kemm jistga’ jkun.

Żied jgħid li l-importanti għall-gvern li s-settur finanzjarju jibqa’ stabbli, u li jitħarsu l-interessi tad-depożitanti u l-ħaddiema tal-bank.

Meta rriferea għall-aleggazjonijiet ta’ Jason Azzopardi, Schembri qal li mhux ġust anke għall-pajjiżna li jkollok kelliema tal-Kap tal-Oppożizzjoni li tħeġġeġ lill-gvern jieħu azzjoni biex jara li l-kwistjoni tiġi ndirizzata malajr u mbagħad ikollok deputat mill-istess partit jitfa’ allegazzjonijet foloz għall-aħħar biex jagħmlu ħsara kbira lill-istess settur finanzjarju fi żmien meta jafu li qed isir audit mill-MoneyVal dwar Malta.

Huwa appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni li jieħu r-riedni f’idejh u ma jħallix dawn l-allegazzjoni isiru fuq is-settur finanzjarju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend