“Li ġarrabt jien fl-Iraq, ġarrbu l-bużnannu f’Somme”- suldat jgħid li ħajtu fil-militar kienet eku tal-ġenerazzjoni ta’ qablu fl-Ewwel Gwerra Dinjija – One News

“Li ġarrabt jien fl-Iraq, ġarrbu l-bużnannu f’Somme”- suldat jgħid li ħajtu fil-militar kienet eku tal-ġenerazzjoni ta’ qablu fl-Ewwel Gwerra Dinjija

Liam Young għandu 32 sena, u huwa t-tielet minn ġenerazzjoni sħiħa ta’ familja li servew fil-militar. Bużnannuh iġġieled fl-Ewwel Gwerra Dinjija u tilef ħajtu waqt il-battalja ta’ Somme.

Young tneħħa mill-militar f’Jannar tal-2014, u issa, għall-ewwel darba qed jitkellem mal-midja dwar kemm l-esperjenza tiegħu hija eku ta’ dak li għadda minnhu ta’ qablu fit-tajn ta’ Somme.

F’intervista esklussiva ma’ Sky News, Young spjega kif qatt, qabel issa, ma apprezza il-kundizzjonijiet li issa qed jgħix fihom f’daru fl-Ingilterra.

“Ma nistax ma naħsibx jekk il-bużnannu għaddiex mill-istess emozzjonijiet waqt il-Gwerra l-Kbira. Il-militar huwa f’demmi, wara kollox”, qal iż-żagħżugħ, li żied jgħid li kull ma għandu biex ifakkar lil bużnannuh hija kollezzjoni ta’ ritratti antiki.

Irrakkonta kif f’Lulju tal-1916, William Doyle sofra attakk bil-gass fl-ewwel jiem tal-battalja tas-Somme. Huwa ntbagħat id-dar minnufih, iżda tilef ħajtu jiem wara.

Il-bużnannu l-ieħor tiegħu, Robert Rodgers, intlaqat minn tiri fl-istonku 12-il jum wara li bdiet l-istess battalja. Huwa rnexxielu jsalva u jibqa’ jservi fil-Gwerra l-Kbira.

“Baqa’ bill-ġrieħi fiżiċi u mentali tul ħajtu kollha”, qal Young.

“Meta smajt dawn l-istejjer fuqhom, kont isipirat li nkompli ngħix il-legat tagħhom. Ta’ 16-il sena tlaqt mid-dar u mort nitħarreġ għal 42 ġimgħa sħaħ. Tliet snin wara, mort fuq l-ewwel missjoni tiegħi fl-Iraq”.

Young spjega kif bħala suldat ta’ 19-il sena, u frisk mit-taħriġ, il-kunfidenza tiegħu kienet notevoli.

“Kemm kont żbaljat. Rajt nies fl-agħar tagħhom, suldati għajjiena, familji jitkissru u jippruvaw jaħarbu minn pajjiż li nqered mill-gwerra. Dan kien ix-xokk li għaddew minnu Doyle u Rogers snin ilu?”.

Wara l-Iraq, kien imiss li ż-żagħżugħ iserv fl-Afganistan.

“Hemmhekk, fl-2009, tlift xi ħbeb. Minjaf jekk sħab bużnannuwi ħassewx l-istess fl-1916 meta saru jafu li miet”.

Ftit wara, infezzjoni interna serja wasslet biex Young naqas drastikament fil-piż. Huwa ntbagħat lura d-dar minħabba raġunijiet mediċi, l-istess bħal bużnannuh.

Iżda anke minkejja dan baqa’ jagħtih il-ġieħ mistħoqq.

“Kull sena noħroġ inbiegħ il-pepprin mar-Royal British Legion. Dejjem nibqa’ skantant bl-istejjer kollha li niltaqa’ magħhom. Tisma’ x’ġara lill-ġenerazzjonijiet ta’ qablek, lil sħabek, lilek innfisek. U kollox huwa mfakkar f’din il-pepprina”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend